Wirja fuq Dun Mikiel Attard

Nadurjana.com

OFFICIAL WEBSITE OF PETER PAUL PORTELLI

EMAIL US:  peter@nadurjana.com

WIRJA FUQ DUN MIKIEL ATTARD

SACERDOT QADDIS NADURI

IN-NADUR
STORJA SOĊJALI MINSUĠA MAL-FIDI
Wirja Fotografika

It-Tieni  Edizzjoni

Dun Mikiel Attard  
Ħajtu u Ħidmietu

19 – 30 ta’April 2011
Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl
Nadur

Kummissjoni Kultura
Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl
Nadur

——-

Dun Mikiel Attard
(1933 – 2004)

Dun Mikiel Attard huwa wieħed mill-ħafna saċerdoti twajba li d-Djoċesi t’Għawdex tat lill- Knisja. Huwa twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru 1933, l-ewwel fost tnax-il aħwa, iben Coronato u Anna neè Tabone. Fi tfulitu Dun Mikiel għadda l-ewwel sitta jew seba’ snin fil-Ħamrun fejn kien abbati. Dan ġara minħabba n-natura tax-xogħol ta’ missieru.  Lura f’raħal twelidu wara li fl-1940 faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, iċ-ċkejken Mikiel beda jiffrekwenta l-qasam tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M.

Hu ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tan-Nadur u fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn aktar tard meta kiber fl-istess seminarju huwa beda l-formazzjoni saċerdotali tiegħu. Fl-20 ta’ Diċembru 1958 huwa ġie ordnat djaknu, u fit-12 ta’ April 1959 presbiteru. Ftit jiem wara l-ordinazzjoni, fis-26 ta’ April Dun Mikiel Attard iċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Kolleġġjata tan-Nadur.

Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq b’żelu kbir, Dun Mikiel ħadem għal ħafna snin fost iż-żgħażagħ u s-saċerdoti. Huwa kien Direttur Spiritwali tan-Nadur Youngsters F.C. u waqqaf il-group GYM ta’ Talb Madonna ta’Pinu. F’Ottubru 1966 Dun Mikiel beda joħroġ il-fuljett ta’ darba fix-xahar ippubblikat mill-qasam tal-M.U.S.E.U.M. subien għall-ġuvintur Nadurin ‘Il-Ħbieb Isejħu’, liema pubblikazzjoni għadha tiġi ppubblikata kull xahar sal-ġurnata tal-lum.  B’rikonoxximent, wara mewtu, l-membri ta’ dan il-Qasam, fis-sena 2005 iddedikaw ir-raba`volum tal-Ktieb ‘Il-Ħbieb Isejħu bl-Istejjer’ proprju lil Dun Mikiel Attard. Bejn is-snin 1970 u 1996 Dun Mikiel kien Direttur Spiritwali tas-Seminarju Maġġuri.

Fis-sena 1982 Dun Mikiel waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bil-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn l-missjonijiet. Fost l-esperjenzi missjunarji li dan il-grupp organizza nsibu ħidma fl-Eġittu, fil-Kenja, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fl-Indja, fil-Brażil, fit-Tuneżija, fl-Alġerija u fil-Perù. Dun Mikiel Attard kien ukoll devot kbir ta’ Ġesù Ewkaristija u kellu mħabba speċjali lejn il-Madonna ta’ Pinu fejn kien jirreferi għaliha bħala ‘l-Madonna l-Għawdxija’.

Fil-Ġimgħa Mqaddsa tas-sena 1985, waqt pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tad-Duluri fin-Nadur, Dun Mikiel Attard qasam ħsibijietu u appella ma’ dawk preżenti biex fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa tibda tinxtered f’pajjiżna l-użanza biex it-twieqi tad-djar tagħna jibdew jiġu mżejna u esposti fihom xbihat marbuta mal-passjoni, simili bħal ma’ jiġri fi żmien il-Milied. Dan l-istess appell kien għamlu wkoll b’diversi ittri li kienu ġew ippublikati fil-ġurnali lokali.

Wara numru ta’ snin fi spirtu ta’ sagrifiċċju u sofferenza minħabba l-mard, fit-30 ta’ Lulju 2004, Dun Mikiel Attard ingħaqad mal-Mulej kuntent li għex il-ħajja saċerdotali tiegħu tajjeb skont ir-rieda tal-Missier. Fl-1 ta’ Novembru 2010, l-Isqof Mario Grech f’komunikat lill-Parroċċa tan-Nadur ħabbar li kienu bdew it-tħejjijiet biex fi żmien qasir jingħata bidu tal-proċess tal-beatifikazzjoni tiegħu.


1. Dun Mikiel Attard tfajjel żgħir qrib l-età ta’ tliet snin (ċ 1936)

2. It-tfajjel Mikiel Attard – l-ewwel mix-xellug,qrib l-età ta’ sitt snin flimkien ma’ ħutu ta’ warajh Pietru u Leli (ċ 1939).

3. Mikiel Attard bħala abbati fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun (ċ 1940).

4. Mikiel Attard – bilwieqfa l-ewwel mil-lemin qrib l-età ta’ ħmistax-il sena. Fir-ritratt mix-xellug: Leli, Pietru, ommhom Anna, Ġużeppi qrib sentejn, il-missier Koronatu, Ġuża u Fredu (ċ 1948).

5. Mikiel Attard issa saċerdot. Ritratt meħud jiem qrib l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu  (12 ta’ April 1959).

6. Dun Mikiel Attard qed jiġi ordnat saċerdot minn Mons. Ġużeppi Pace, Isqof t’Għawdex fil-Katidral t’Għawdex  (12 ta’ April 1959).

7. Dun Mikiel Attard – it-tieni mil-lemin, flimkien ma’ sħabu l-oħra s-saċerdoti f’jum l-Ordinazzjoni Saċerdotali. Jidhru wkoll f’dan ir-ritratt:- Dun Rużarju Borg, Dun Lawrenz Xerri, Dun Ġużepp Saliba, Dun Martin Sultana, Dun Mikiel Camilleri u Dun Franġisk Mercieca (12 ta’ April 1959).

8. Dun Mikiel Attard waqt l-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Kolleġġjata tan-Nadur; waqt il-ħasil tal-idejn (26 ta’ April 1959).

9. L-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Mikiel Attard. Dun Mikiel waqt l-aktar mument solenni; qed jeleva l-Ostja kkonsagrata (26 ta’ April 1959).

10. Dun Mikiel Attard qed jagħti l-Barka fi tmiem l-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu. Fuq in-naħa tal-lemin jidher il-mibki Mons. Mikiel Portelli Arċipriet tal-Parroċċa tan-Nadur 1951 – 1982 (26 ta’ April 1959).

11. Dun Mikiel Attard  fi tmiem l-Ewwel Quddiesa Solenni tiegħu qed ibus l-idejn tal-ġenituri tiegħu Coronatu u Anna (26 ta’April 1959).

12. Uħud mir-rigali li Dun Mikiel Attard kien irċieva fl-okkażjoni  tal-Prima Messa tiegħu (26 t’April 1959).

13. Dun Mikiel Attard fl-istudju tiegħu fid-dar tal-familja Attard fi Triq San Ġwann fin-Nadur (1964).

14. Dun Mikiel Attard flimkien mal-Kumitat tan-Nadur Youngsters F.C. – l-ewwel mil-lemin, waqt iż-żjara tal-futboller magħruf Bobby Moore u s-Sinjura tiegħu Tina li kienu għamlu lill-Każin tal-Club. Dun Mikiel serva għal disa’ u għoxrin sena sħaħ bħala Direttur Spiritwali tan-Nadur Youngsters F.C. (26 ta’Settembru 1966).

15. Dun Mikiel Attard – l-ewwel mix-xellug, fl-okkażjoni tal-ftuħ u t-tberik tal-grawnd tal-futboll tal-qasam tal-M.U.S.E.U.M. subien li kien sar mill-mibki Kan. Franġisk Camilleri, Dekan tal-W.Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Insinji tan-Nadur (12 ta’ Awwissu 1971).

16. Dun Mikiel Attard fl-Awstralja. F’dan ir-ritratt jidher qed ikun intervistat fuq it-televiżjoni Awstraljana (1971).

17. Dun Mikiel Attard f’mument ta’ ċajt ma’ tfajjel ċkejken meta żar l-Awstralja (1971).

   

18. Dun Mikiel Attard mal-familja tiegħu – Bilwieqfa mix-xellug: Ħutu Leli, Fredu, Ġuża, Carmela, Rita, Giovanna, Doris u Pietru. Bilqgħeda mix-xellug: Dun Ġużepp, il-ġenituri Coronatu u Anna u Dun Mikiel, f’jum il-Prima Messa ta’ ħuħ Dun Ġużepp (20 ta’ Awwissu 1972).

19. Dun Mikiel Attard flimkien ma’ ħuh Dun Ġuzepp, illum Arċipriet tal-Knisja Katidrali ta’ Marija Assunta tar-Rabat Għawdex f’jum il-Prima Messa tiegħu (20 ta’Awwissu 1972).

20. Dun Mikiel Attard fi żjara fil-Kanada fost numru ta’ qraba u emigranti oħra Nadurin (16 ta’April 1977).

21. Il-lejl tal-Milied Imqaddes. Mument għażiż għal Dun Mikiel.Fir-ritratt…Dun Mikiel Attard qed iqarben lil numru ta’ żgħażagħ waqt il-quddiesa li kienet tiġi

organizzata ta’ kull sena f’lejliet il-Milied fil-‘Grotta’ fix-Xlendi. Dun Mikiel kien ta bidu għal dan l-appuntament annwali fil-lejl tal-Milied ta’ 36 sena ilu (1975).

22. Dun Mikiel Attard bħala kappillan ta’ Mons. Salvu Muscat f’jum il-pussess tiegħu ta’ Arċipriet tal-Parroċċa tan-Nadur (2 ta’ Jannar 1983).

 

23. Kellu għal qalbu ħafna s-seminaristi u s-saċerdoti. Dun Mikiel Attard waqt żjara f’Ruma għand ħuh Dun Ġużepp flimkien ma’ numru ta’ saċerdoti ġodda mis-Seminarju Maġġuri t’Għawdex li tiegħu Dun Mikiel kien Direttur Spiritwali. Din iż-żjara kienet saret fl-okkażjoni tal-pussess ta’ Dun Ġużepp bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Sant Injazju ta’ Antijokja. Fir-ritratt bilwieqfa jidhru: Dun Joe Zammit, Dun Mario Grech  (illum Isqof t’Għawdex), Mons. Salvu Scicluna, Dun Ġużepp Attard, Dun Renato Borg, Dun Mikiel Attard, Dun Renato Sammut, Dun Ġorġ Frendo, fil-baxx: Dun Alfred Xuereb, Dun Nazju Borg, Dun Eddie Zammit u Dun Manwel Buttigieg (20 ta’ Ottubru 1985).

24. Dun Mikiel Attard waqt vjaġġ missjunarju flimkien ma’ Raymond Portelli, illum saċerdot, tabib u missjunarju fil-Perù. Fir-ritratt Dun Mikiel jidher fuq iż-żiemel ma’ Raymond fil-parroċċa ta’ Dun Ġorġ Grima ddedikata lil Santo Spirito f’Barbacena fil-Brażil.  Kien proprju hawn, f’dan il-post meta Dun Ġorġ Grima, Dun Mikiel Attard flimkien ma’ Raymond Portelli kienu qed jaraw fejn se jibnu knisja ġdida ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni li Raymond kien iddeċieda li jibda t-triq tiegħu tas-saċerdozju (1985).

      

Peter Paul Camilleri jipprezenta ic-Champions Cup lill Dun Mikiel fl-1968 waqt il-festi centinarji mill martirju ta’ San Pietru u San Pawl

25. F’Kuntatt dirett mal-Ħallieq. Dun Mikiel Attard f’mument ta’ talb u meditazzjoni qalb is-sbuħija tal-kampanja Taljana waqt vaganza fl-Italja ta’ fuq (1986).

26. Dun  Mikiel qalb ħidma missjunarja oħra din id-darba mal-Kommunità tas-Sorijiet Dumnikani fil-Pakistan (1986).

27. Dun Mikiel Attard flimkien mal-Papa, illum, il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II, waqt iż-żjara Papali ta’ wieħed u għoxrin sena ilu. Ritratt: il-wasla tal-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II fis-Seminarju ta’ Għawdex (26 ta’ Mejju 1990).

28.  Dun Mikiel Attard ma’ Dun Nazju Borg, illum Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz flimkien ma’ numru ta’ membri mill-Grupp Missjunarju Għawdxi. Ritratt ta’ tifkira, meħud fis-Seminarju, tal-membri li marru fuq ħidma missjunarja fil-Kenja u oħrajn fit-Tuneżija (1992).

29. Dun Mikiel Attard waqt xogħol manwali ta’ manutenzjoni. Esperjenza missjunarja fit-Tuneżija (1992).

30. Dun Mikiel Attard din id-darba qalb il-missjoni ta’ Dun Raymond Portelli fil-Perù waqt żjara oħra missjunarja flimkien ma’ numru ta’ membri oħra tal-Grupp Missjunarju Għawdxi. Fir-ritratt fil-baxx, oħt Dun Raymond Miriam Portelli llum Sindku tan-Nadur u Dun Mikiel Attard, flimkien ma’ Dun Raymond Portelli u Esther Mizzi  bilwieqfa  waqt żjara  għand familja fqira Peruvjana fil-villaġġ ta’ Salamanca (1995).

31. Is-Serenità tal-Ħajja. Dun Mikiel Attard imdawwar b’numru ta’ tfal foqra f’ Santal Parganas fl-istat ta’ Biharfl-India, waqt żjara missjunarja li kien għamel f’dan il-post (1988).

Ħajr

 Produzzjoni
Kummissjoni Kultura
Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl
Mons. Arċipriet Jimmy Xerri Ph.L., Eucharist Camilleri, Anton Said

Ritratti
Familja Attard

Kitba u Riċerka
Anton Said

Loġistika
Eucharist Camilleri

Qari tal-Provi
Daniel Meilak B.A. (Hons)

Għajnuna Teknika
Scanning u grafika tar-ritratti:Michael Camilleri, Dawl: Josef Azzopardi, Peter Azzopardi, Stands:Anthony Buttigieg – Anthony’s Furniture, Stampar ta’ Ritratti: Shaun Sultana – Captured Memories, Victoria 

Għajnuna Ġenerali
Familja Attard – Mons. Arċipriet Ġużepp Attard, Doris Attard, Ġuża Attard,  Rev. Dr  Joseph Bezzina, Toni Calleja, George Cefai,  Emily Muscat – Radju Luminarja, Dun Daniel Xerri S.Th.D. – Viċi Postulatur tal-Kawża għal Beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard

 

© Ir-ritratti kollha ppubblikati huma protetti bil-liġi tal-copyright u ebda wieħed minnhom ma għandu jiġi riprodott taħt ebda forma mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-proprjetarji.

 

Pubblikazzjoni
Kummissjoni Kultura
Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl
Nadur © 2011