Fl-okkazjoni taż-żjara tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu fil-parroċċi ta’ Għawdex

Image may contain: 1 person

Minn Paul George Pisani

sena marjana

Posted by Ta' Pinu National Shrine – Gozo, Malta on Thursday, January 10, 2019

Fl-okkazjoni taż-żjara tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu fil-parroċċi ta’ Għawdex qiegħed inġib xi siltiet mill-poeżija: ‘L-Għanja tal-Merħba’ li missieri, Ġorġ Pisani (1909-1999), kien kiteb fl-1949 meta il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu kien inġieb fil-Belt Victoria. Din il-poeżija kienet inqrat fil-pjazza ewlenija tal-Belt Victoria fit-3 ta’ Lulju 1949, f’għeluq tal-Kungress Marjan. Min jixtieq jaqraha sħieha jista’ isibha fil-ktieb ‘Melodiji u Kuluri’

Snin ilu, Madonna,
inżilt mis-smewwiet
fuq sħaba tal-fidda
li kollox għattiet.

Ħallejt dik il-ġenna,
ħallejt dik is-saltna
u qbadt it-triq twila
li tagħti lejn artna

* * *

U biex lill-qlub kollha
tas-sliem tagħti x-xaba’,
Int dħalt ġo kappella
mitlufa ġor-raba’.

Minn hemm, o Madonna,
sejjaħt Int daħkana
lil xebba nadifa
tan-nisel minn tagħna.

B’dis-sejħa li qabel
ma smajna żgur qatt,
sejjaħt liz-żewġ gzajjer,
sejjaht lil kulħadd.

* * *

‘Ma llum grat xi ħaġa,
xi ħaġa wisq kbira,
xi ħaġa li qanqlet
ir-ruħ ta’ dil-gżira.

Għaliex mindu fostna
inżilt mis-smewwiet
ser tħalli l-għamara
li ħtart fost is-skiet.

U ġejja titbissem,
bil-grazzji mimlija,
tal-gzira ta’ mħabbtek,
fil-belt ewlenija.

* * *

Ħabbejtna bil-bosta,
ħabbejtna Marija,
int ħtartna mill-kotra,
għaziltna mill-bqija.

* * *

Bik biss aħna mkabbra,
Madonna Ta’ Pinu,
minqux għandu ismek
kull Għawdxi fuq ġbinu.

U b’rasna merfugħa
noħduh kullimkien,
bħal fjamma li tixgħel
fil-lejl ta’ kull żmien.

Madonna Ta’ Pinu,
sat-temma tas-snin
il-ġieh tiegħek jiddi
fuq ras il-Għawdxin.

No photo description available.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *