Jirriżenja s-Sindku Nazzjonalista tal-Belt

Minn Beppe Galea

Is-Sindku Nazzjonalista tal-Belt Valletta Alexiei Dingli rriżenja mill-kariga tiegħu llum wara laqgħa li kellu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-Dar Ċentrali.

F’messaġġ li tella’ fuq Facebook Dingli qal li huwa ilu jagħti servizz lill-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar tlietin sena u bħala Sindku tal-Belt għal dawn l-aħħar 10 snin. Huwa għadda l-ittra tar-riżenja lis-Segretarja Eżekuttiva tal-Belt kif ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk effettivament huwa rriżenja kemm mill-Kunsill Lokali tal-Belt kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista.

Fost in-nies li huwa rringrazzja, Dingli għamel aċċenn għall-ħidma professjonali tas-Segretarja Eżekuttiva Gabriella Agius fejn qal li mingħajr ħidmietha, il-Belt ma setgħetx tikseb ir-riżultati tajbin.

Irringrazzja wkoll lill-Kunsilliera sħabu għas-sapport li tawh tul l-14-il sena li għamel fil-Kunsill, l-ewwel bħala Kunsillier, imbagħad bħala Sindku.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Alexiei Dingli għamel żjara ta’ kortesija lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista rringrazzja lill-Professur Dingli tal-ħidma kollha li wettaq fil-kariga ta’ Sindku u “wera l-apprezzament tiegħu tal-għajnuna li se jibqa’ jagħti lill-partit fi sferi oħra”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *