Nadurjana

Irridu Kummissjoni biex jissolva l-qtil ta’ Daphne, Raymond u Karin – PD

Minn Nicole Borg

Il-Partit Demokratiku qed jitlob sabiex tiġi stabbilita Kummissjoni għall-Verità u l-Ġustizzja li ssegwi l-Att dwar l-Inkjesti sabiex jissolvew l-assassinji ta’ Daphne Caruana Galizia, Raymond Caruana u Karin Grech.

F’dokument dettaljat, il-Partit Demokratiku spjega li din il-Kummissjoni għadha titmexxa mill-Kummissarju għad-Drittijiet Umani fi ħdan il-Kunsill Ewropew sabiex tassigura li l-inkjesti jkunu verament indipententi. Il-Partit Demokratiku insista li jrid li din il-Kummissjoni tkun kompletament indipendenti mill-Gvern. Il-partit jemmen li din il-kummissjoni mhux talli kapaċi tikseb ġustizzja fl-assassinji ta’ dawn it-tliet Maltin li qatt ma ġew solvuti, iżda wkoll tikseb il-bidla li għandu bżonn il-pajjiż.

X’għandhom ikunu l-irwoli ta’ kummissjoni tat-tip?

Il-PD kompla jispjega li l-Kummissjoni għandha erba’ rwoli differenti. L-ewwel irwol huwa li tinvestiga ċ-ċirkustanzi madwar it-tliet assassinji. Imbagħad tistabbilixxi jekk fil-każijiet separati hemmx xi tip ta’ responsabbiltà li għandu jġorr l-istat bħal per eżempju każi ta’ negliġenza u jekk l-istat falliex milli jipprevjeni dawn il-kriminalitajiet. Irwol ieħor huwa li tara jekk kienx hemm xi ksur ta’ drittijiet umani tal-vittmi u l-qraba tagħhom. L-aħħar irwol li jsemmi l-partit huwa li l-kummissjoni tagħmel rakkommandazzjonijiet sabiex l-ambjent politiku Malti, il-ħelsien tal-kelma u l-protezzjoni tal-ġurnalisti jissaħħu.

“It-tliet assassinji xxukkjaw lil Malta”

Fid-dokument, il-partit tal-oranġjo spjega kif it-tliet assassinji ħallew lil Malta taħt xokk qawwi meta seħħew. Il-partit spjega kif normalment, kummissjoni tat-tip tiġi stabbilita wara perjodu ta’ gwerra ċivili jew dittatorjat. Madanakollu, il-PD jemmen li hemm bżonn li kummissjoni tat-tip tiġi stabbilità f’Malta.

Għal dan taw bosta raġunijiet fosthom li t-tliet każi hemm potenzjal li jkollhom implikazzjonijiet politiċi u soċjali, li hemm sens ta’ inġustizzja li għadu jnemnem fuqhom u li t-tlieta li huma jwasslu għall-mistoqsija: “l-istat għamel dak kollu li seta’ biex jipproteġihom?”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *