Nadurjana

“Irriżenja, tkomplix tgħarraq lill-poplu” – Delia lil Mizzi

Minn Paul Cachia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-bini tal-power station il-ġdida, il-Ministru Konrad Mizzi għandu jirreżenja u ma jkomplix jgħarraq lill-Maltin u l-Għawdxin. Huwa qal li minkejja li Mizzi ddeskriva r-rapport bħala ċertifikat ta’ best practice, l-Awditur stess juri tħassib serju dwar il-proġett. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li r-rapport xejjen l-għajta tal-Oppożizzjoni.

“Xejn ħlief magna ta’ ħasil ta’ flus”

Meta kien qed jitkellem waqt dibattitu fuq mozzjoni mressqa mill-Gvern dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, Delia qal li din il-powerstation ma kienet xejn ħlief magna ta’ ħasil ta’ flus li l-Gvern irid jisraq mill-bwiet tan-nies.

Huwa qal li dan il-Gvern ma jistax jibqa’ jitwemmen meta l-ħażin jgħidlu tajjeb.

“L-Enemalta baqgħet tinsisti”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu evidenti mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien hemm xi ħadd li ġie mnebbaħ minn qabel dwar kif il-Gvern ried jibni l-powerstation tant li waqt li wħud mill-bidders stqarrew li l-proġett ma setax isir jekk mhux b’garanzija bankarja kbira, l-Enemalta baqgħet tinsisti li dan seta’ jsir.

“Il-verità hi l-Gvern kellu jagħmel garanzija bankarja ta’ €360 miljun biex il-proġett isir,” saħaq Delia.

Huwa qal li r-rapport juri tħassib dwar il-fatt li l-kuntratt rebbieħ kellu €20 miljun nieqsa mill-investiment, waqt li fi kliem Delia, wera tħassib serju dwar l-involviment tal-kumpanija Socar, tant li din il-kumpanija mill-Ażerbajġan infirdet mill-konsorzju rebbieħ.

“Id-due diligence sar permezz ta’ Google search”

Delia qal li l-iskrutinju (due diligence) li sar fuq il-bidders rebbieħa sar permezz ta’ Google search.

Stqarr li l-Awditur Ġenerali semma li l-Enemalta stess qalet li l-aħjar għażla kellha tkun għal Power Station fuq l-art u mhux permezz ta’ vapur fil-baħar.

Żied jgħid li d-diskrepanza ta’ €110 miljun fil-kalkoli ġejja mill-fatt li l-Oppożizzjoni qed tagħmel l-kalkoli fuq full capacitykontra dawk tal-Prim Ministru, li qed jieħu l-output reali li l-Partit Nazzjonalista m’għandux aċċess għalih.

“L-istorja tal-Electrogas possibilment il-mottiv tal-assassinju ta’ Daphne” – Azzopardi

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-istorja tal- powerstation tal-Electrogas ġiet żvelata mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

“Din kienet l-aqwa storja li ħadmet fuqha qabel ma nqatlet u possibilment dan seta’ kien il-mottiv għalfejn inqatlet il-ġurnalista,” qal Azzopardi.

“Il-prezz tal-interconnector żdied b’40% minn meta sar ir-rapport” – Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li ma jistax jifhem il-kritika li saret fuq Nexia BT meta din daħlet fil-proċess meta l-għażla diġà kienet saret. Huwa saħaq li l-prezz tal-interconnector żdied b’40% minn Awwissu meta sar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Mizzi qal li l-prezzijiet tal-interconnector ikkwotati mill-Awditur huma l-irħas possibbli għax kieku l-Gvern ma kienx jixtri minn dak is-sors.

Huwa qal li l-Awditur Ġenerali xejjen l-għajta tal-Oppożizzjoni li dan kien a pre-electoral deal għax ir-rapport jgħid li preżentazzjoni li saret lill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 saret minn bidder tellief.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *