Filmat: “Ġejja tiegħek” – Cardona lil Farrugia

Minn Christoph Schwaiger

Ara il film hawn: https://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/12/03/filmat-gejja-tieghek-cardona-lil-farrugia/

Fil-Parlament il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal il-kliem “ġejja tiegħek” lill-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia, skont Farrugia.
Ma’ Newsbook.com.mt Marlene Farrugia qalet li dan il-kliem intqal wara li qam jitkellem l-MP Godfrey Farrugia tal-PD. Spjegat li Cardona beda jgħajjat u qaltlu biex ma jindaħalx. Żiedet tgħid li Cardona mbagħad qalilha li kienet “ġejja tiegħek [tagħha]”.
Fil-Parlament Godfrey Farrugia qal lill-Ispiker Anġlu Farrugia li l-kliem bħal “ġejja tiegħek” mhumiex xierqa fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Żied jgħid li kemm hu kif ukoll Marlene Farrugia diġà huma mheddin b’ħajjithom. Qal li l-kliem ta’ Cardona ma kienx biss kliem politiku imma li “hemm affarijiet oħrajn”. Anġlu Farrugia qal li Cardona qed jinsisti li l-kliem tiegħu ma kienx ta’ theddid. L-Ispiker qal li allura “l-istorja tieqaf hemmek”.
Ma’ Newsbook.com.mt Marlene Farrugia qalet li kienet theddida li ħarġet mill-qalb. Mistqosija x’taħseb li Cardona ried jgħid biha dik il-frażi, Farrugia qalet “minjaf”. Qalet li jista’ jkun li se toħroġ xi storja vvintata dwarha. Żiedet tgħid li mhux l-ewwel darba li rċeviet trattament simili meta tkun qed tieqaf kontra l-Gvern.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *