Nadurjana

Filmat: 1,000 rivista jkopru 73 sena ta’ ħajja f’Għawdex

Minn Nicole Borg

Ir-rivista l-Ħajja f’Għawdex waslet fl-elf ħarġa tagħha bir-rivista ta’ Awwissu-Settembru. 73 sena ta’ ħajja f’Għawdex minsuġa f’elf ħarġa li prattikament kitbu l-istorja ta’ Għawdex fl-unika rivista Għawdxija li għadha tiġi ppubblika sal-lum.

Bdiet tiġi ppubblikata fl-1945 u dak iż-żmien kien jisimha biss Għawdex. Inizjalment kienet ippublikata bħala ġurnal maħruġ mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Din kienet is-sitt rivista tat-tip li bdiet tiġi ppubblikata fil-gżira ta’ Għawdex. Il-moħħ wara l-ġurnal u l-editur tiegħu għal bosta snin kien Patri Akkursju Xerri, Franġiskan Minuri. L-Għawdex ħarġet għall-ewwel darba fl-10 ta’ Ġunju tal-1945.

Xi problemi li tfaċċaw matul is-snin fl-istampar tar-rivista wasslu sabiex id-Djoċesi ta’ Għawdex twaqqaf mill-ġdid stamperija djoċesana. Din l-istamperija bdiet tiffunzjona fl-1956 taħt l-isem ta’ Orphans’ Press, illum il-ġurnata l-isem inbidel għal Gozo Press. L-istampar tal-Ħajja f’Għawdex għadu jsir hemm sal-lum.

Ir-rivista għaddiet f’idejn Edmea Tabone għal sentejn mill-1962, imbagħad beda jieħu ħsieb Dun Nikol Cauchi li sar Amministratur Appostoliku u iktar tard is-seba’ Isqof ta’ Għawdex.

L-isem tal-ħarġa inbidel għal Il-Ħajja f’Għawdex fis-sena 1965 u dam joħroġ forma ta’ gazzetta sal-1966. Inbidel f’rivista għall-ewwel darba għall-ħarġa ta’ Lulju-Awwissu tal-1966 u kien propju l-istess għamla tal-magazine popolari Reader’s Digest. Aktar tard bida joħroġ f’għamla ta’ A5 u għamel hekk sa Diċembru tal-1968. Minn Jannar tal-1969 mbagħad tkabbar ftit iktar. Ir-rivista bdiet toħroġ bil-qies tal-lum, li huwa kważi viċin tal-A4 mis-sena 2000.

Ir-rivista tmexxiet minn Dun Salv Muscat bejn l-1967 u 1969, imbagħad minn Dun Anton Dimech bejn l-1970 u l-2002. Bejn l-2002 u l-2006 mexxa Dun Reuben Micallef u bejn l-2006 u l-2016 kien hemm Joe Psaila. Mill-2017 beda jmexxi r-rivista Francesco Pio Attard.

“Ir-rivista hija frott tal-ħolm tal-familja Għawdxija” – L-Isqof Grech

Waqt quddies iċċelebbrata propju fix-xahar meta ħarġet l-elf rivista, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li r-rivista hija frott tal-ħolm tal-familja Għawdxija. Qal li hija l-ħolma li kellha l-ġenerazzjoni ta’ qabilna, għal Għawdex u għall-Knisja. Sostna li min joħlom dwar il-Knisja qed joħlom dwar Għawdex u min joħlom dwar ir-reġjun ta’ Għawdex ma jistax jinsa il-Knisja.

Mons Grech insista li ħafna mill-ħolm li tkellmu dwar l-edituri fir-rivista matul is-snin twettqu. Madanakollu sostna li kien hemm ukoll “ħolm li baqa’ ħolm”. Imma dan qal li jfisser li xorta waħda hemm ċans li jista’ jitwettaq u rrefera għalih bħala żerriegħa miżrugħa.

Xi jgħidu l-messaġġi tal-ftuħ tal-1000 rivista?

L-editur kurrenti, Francesco Pio Attard qal li r-rivista qdiet lil Alla u lill-gżira ta’ Għawdex daqslikieku kienu żewġt uċuħ tal-istess munita. Spjega li kif il-Knisja hi għas-servizz tal-Għawdxin, ir-rivista trid tkompli taqdi lil Għawdex.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li “ċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-ħarġa speċjali għandha tfisser ukoll ir-rieda tal-Knisja f’Għawdex li tkompli tinvesti f’din ir-revista. L-Isqof sostna li jinsab konvint li r-rivista għad baqalha sehem fil-missjoni evanġelika tal-Knisja.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna irrimarka li r-rivista hija “espressjoni tal-fidi, tal-imħabba u tat-tama tal-poplu ta’ Alla li jgħix bħala pellegrin fuq il-gżira għażiża ta’ Għawdex.”

Intant, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tinsab ċerta li r-rivista se tkompli tkun ta’ kontribut siewi biex jissaħħu l-ispirtu tal-valuri tal-imħabba u tas-solidarjetà fl-aħjar interess tal-individwi u l-familji.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fakkret kif kull ħarġa tal-Ħajja f’Għawdex kienet “bħal ħolqa f’katina” li tirrakkonta l-istejjer u l-fehmiet tal-poplu Għawdxi li tiddeskrivih bħala wieħed kuraġġjuż.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *