Nadurjana

The Daphne Project b’allegazzjonijiet ġodda dwar Cardona; Cardona jiċħad

“Cardona u l-Fulu f’Bachelor’s Party fis-Siġġiewi”

Il-Ministru Chris Cardona u wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, allegatament kienu preżenti għall-istess Bachelor’s Party fid-29 ta’ Ġunju 2017 f’villa fil-Fawwara, fis-Siġġiewi. Dan ċaħdu l-Ministru Cardona fi stqarrija t-Tnejn filgħaxija, fejn sejħilhom allegazzjonijiet “foloz.”

Skont il-ġurnal Taljan La Repubblica, li huwa parti mill-konsorzju The Daphne Project, Alfred Degiorgio (Il-Fulu) u l-Ministru Cardona kienu fost l-40 mistieden għal dan il-festin, erba’ xhur qabel seħħ l-assassinju tal-ġurnalista. F’artiklu ppubblikat fis-6pm, il-ġurnal Taljan kompla jiżvela dwar id-drabi li ltaqgħu Cardona u Degiorgio.

“Cardona m’għandux xi jżid”

Kelliem għal Cardona kien qal lill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project li ma kellu xejn iktar xi jżid fuq dan il-Bachelor’s Party u li ma kienx hemm għalfejn jagħti spjegazzjoni.

La Repubblica żvela wkoll li mil-lista tat-telefonati rriżulta l-istess sors li nforma b’telefonata lil Daphne Caruana Galizia dwar il-każ ta’ John Camilleri li nqatel f’karozza bomba f’Ottubru 2016, ċempel dritt lill-Ministru Cardona u lil Degiorgio. Mhux mifhum għala r-raġel li kellem lil Daphne ħass il-bżonn li jċempel lilhom. Fil-blogg tagħha, Caruana Galizia kienet kitbet li Camilleri timmaġina li kien jittraffika ż-żejt mil-Libja.

“Irrifjutata t-talba tal-Maġistrat għal-lista tat-telefonati”

Il-ġurnalisti ta’ Daphne Project ikkwotaw sorsi jgħidu li t-talba formali tal-Maġistrat Anthony Vella lis-Servizzi Sigrieti Maltin għal-lista ta’ telefonati li għamlu u li rċevew it-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne, ġiet irrifjutata. It-talba kienet saret għall-perjodu ta’ bejn Ottubru 2016 u Novembru 2017. Il-Maġistrat Vella lanqas ingħata aċċess għall-konverżazzjonijiet tat-telefown ta’ George Degiorgio (Iċ-Ċiniż), li ġew interċettati mis-Servizzi Sigrieti Maltin. Dan ġab lill-Maġistrat Vella f’pożizzjoni li ma setax jgħaqqad it-truf ma’ xulxin.

“Iċ-Ċiniż kien ilu segwit mis-sajf tal-2016”

Is-Servizzi Sigrieti kienu qed isegwu l-passi ta’ George Degiorgio tal-inqas mis-sajf tal-2016. Huwa kien tpoġġa taħt sorveljanza bħala prevenzjoni mill-kriminalità organizzata.

La Repubblica tgħid li minn Ottubru 2017 sa Lulju ta’ din is-sena, kemm il-Pulizija Maltija u s-Servizzi Sigrieti setgħu ħadmu fuq il-materjal li kienu ġabru dwar Degiorgio

Il-gazzetta ssostni li fl-aħħar xhur kemm il-Pulizija kif ukoll l-inkjesta maġisterjali kienu qed jaħdmu b’mod separat fuq il-każ.

Casa jikteb il-Kummissjoni Ewropea u jinsisti dwar inkjesta pubblika

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-Ewroparlamentari David Casa kiteb lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u lill-Kummissarju għall-Ġustizzja Vera Jourova dwar ir-rabtiet li jeżistu bejn dawk li allegatament wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Ministru tal-Gvern. Dan wara li llejla ġew żvelati dettalji ġodda permezz ta’ The Daphne Project.

Casa qal li dawn l-iżviluppi li ħarġu llejla rridu jiġu mifhuma fil-kuntest ta’ “politiċi korrotti” li kienet esponiet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa semma kif kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi żammew posthom minkejja li dawn kienu inkixfu fil-Panama Papers li kellhom kumpaniji fil-Panama. Casa kompla jispjega kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jkun hemm inkjesta pubblika.

Aqra l-ittra sħiħa hawn.

Allegazzjonijiet serji, ta’ dannu u foloz – Cardona

Fi stqarrija li ħareġ il-Ministru Chris Cardona t-Tnejn filgħaxija fil-konfront tal-allegazzjonijiet dwaru, huwa qal li dawn l-allegazzjonijiet iħallu barra l-fatt li hu stess mar għand il-Pulizija u ta stqarrija lill-Prosekutur. Għalhekk sejħilhom “serji immens, ta’ dannu kbir, u fuq kollox, foloz.”

Cardona insista li l-ġurnalisti internazzjonali m’għandhomx jaqgħu fin-nasba partiġġjana Maltija, u li jekk ikollhom informazzjoni relevanti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għandhom jgħarrfu lill-Pulizija. Żied jgħid li hu huwa dejjem disponibbli għall-awtoritajiet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *