Nadurjana

Filmat: Proprjetà tal-knisja tingħata għal food bank

Iffirmat ftehim bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Food Bank Foundation, għall-proġett li għandu l-għan li jiġbor ikel żejjed biex jitqassam lill-għaqdiet mhux-governattivi.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja qed twieġeb b’mod tanġibbli għar-realtà tal-faqar f’Malta. Huwa qal dan waqt laqgħa li matulha ġie iffirmat ftehim bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Malta Food Bank Foundation, għall-proġett li għandu l-għan li jiġbor ikel żejjed biex jitqassam lill-għaqdiet mhux-governattivi. Intqal li dan huwa l-ewwel proġett ta’ din ix-xorta f’Malta u li se jkun qed jgħin lill-persuni foqra u lil dawk f’riskju ta’ faqar.

Il-Kurja qalet li l-proprjetà tal-Knisja li ngħatat lill-Malta Food Bank Foundation għal żmien definit, tinsab fil-Ħamrun maġenb il-knisja tal-Kunċizzjoni, u li kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel.

L-Arċidjoċesi qalet li se tagħmel ukoll xi xogħlijiet strutturali filwaqt li l-Malta Food Bank Foundation se tipprovdi t-tagħmir neċessarju u r-riżorsi umani fuq bażi volontarja.

Waqt laqgħa fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana attendew ukoll il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks Angela Frigo, u c-Chairperson tal-Malta Food Bank Foundation Irene Schembri.

Min-naħa tagħha, Irene Schembri qalet li l-kultura tal-iskart ġabet lin-nies insensibbli għall-ħela u għar-rimi tal-ikel, fl-istess waqt meta hawn tant persuni u familji li qed ibatu l-ġuħ jew qed jieklu ikel ħażin. Qalet li dan huwa wkoll rifless fit-tagħlim tal-Papa Franġisku.

Il-Malta Food Bank Foundation hija affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks sa mill-2011, u se sservi ta’ pont bejn il-kumpaniji tal-ikel li lesti joffru provvisti żejda tal-ikel u l-NGOs li jgħinu lil dawk imċaħħda mid-dritt fundamentali tal-ikel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *