Nadurjana

“Faqar fil-familji: jikkomunikaw bil-mowbajl milli jitkellmu d-dar”

Minn Charmaine Attard

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech irrimarka dwar il-faqar ta’ komunikazzjoni fil-familji, fejn uħud jagħżlu li jikkomunikaw ma’ xulxin bil-mowbajl milli jitkellmu minn kamra għal oħra fl-istess dar.

Waqt l-Omelija fis-Santwarju tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù f’Tas-Sliema, l-Isqof Grech stqarr li daqskemm tista’ toffri esperjenza ta’ komunjoni, il-familja tista’ tirrendi ruħha bħala hostel, “fejn jgħammru individwi li jiġu minn xulxin”.  Semma kif ħafna drabi l-ġenituri jkunu assenti għal uliedhom, anke jekk mhux għal raġunijiet ħżiena, filwaqt li l-ulied ma jkunux preżenti għall-ġenituri tagħhom meta dawn jikbru fl-età.

“Bżonn li l-ulied u l-ġenituri jlissnu ‘hawn jien’ lil xulxin”

Saħaq dwar l-importanza li kemm il-ġenituri kif ukoll l-ulied ilissnu l-kliem ‘hawn jien’ lil xulxin. Mons. Grech stqarr li hi ħasra li llum l-anzjani qed jitqiesu bħala piż żejjed u li ħafna jkollhom seba’ mitt sena biex iqalftuhom ‘il barra f’xi home.

L-Isqof Grech sostna li dan kollu jwassal għas-solitudni, li insista li l-Gżejjer Maltin mhumiex meħlusa mill-epidemija li ġġib magħha, fosthom il-faqar, id-dipressjoni, u f’każijiet estremi tista’ twassal lill-bniedem jagħmel għażliet koroh. Fisser kif is-solitudni mhix biss fiżika, iżda tista’ tkun psikoloġika, intellettwali, morali u spiritwali.

Mons. Grech irrimarka li s-solitudni psikoloġika hi kkawżata mill-ħajja mgħaġġla. Dwar is-solitudni intellettwali l-Isqof fisser kif inhu mistenni, li kulħadd jaħseb l-istess u miskin hu jekk xi ħadd joħroġ mill-ħsieb tal-massa.  Fi kliem l-Isqof Grech, is-solitudni morali sseħħ meta l-bniedem jibni l-barrieri biex maj kunx hemm il-jien u l-int, imma l-jien biss.  Għadda biex isemmi s-solitudni spiritwali, li fi kliemu s-solidarjetà biss tista’ tgħinna nfiqu minn dan il-virus.

Mons. Grech saħaq dwar l-importanza li l-komunità Nisranija tidwi l-frażi ‘hawn jien’ ma’ kull min qed ibati minn xi stigma soċjali, fosthom id-drogati, persuni li jkunu ħarġu mill-ħabs u oħrajn b’xi diżordni mentali. Insista li anke jekk kulħadd, inkluż l-Istat, ikun qata’ qalbu minn xi ħadd, il-Knisja trid tibqa’ toffri messaġġ ta’ tama.

Temm l-omelija billi rrakkommanda lill-komunità Slimiża, biex tagħmel mis-Santwarju dar għal dawk milquta mill-pjaga tas-solitudni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *