Nadurjana

Il-PN b’mozzjoni biex jitneħħa Ġieħ ir-Repubblika lil Tony Zarb

Minn Christoph Schwaiger

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni għar-revoka tal-unur Ġieħ ir-Repubblika li ngħata lil Tony Zarb minħabba l-kliem ta’ disprezz li għamel kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Fil-mozzjoni li ġiet ippreżentata lill-Ispiker tal-Kamra Anġlu Farrugia, il-PN qal li fl-20 ta’ Settembru Zarb qal li “l-importanti għall-Malta tagħna hi li qatt ma terġa’ lura” b’referenza għall-ġurnalista Maltija. Zarb huwa l-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU). Bħalissa qed jaħdem bħala konsulent tal-Gvern. Zarb kien irċieva Ġieħ ir-Repubblika fl-2015.

Skont il-PN, il-kliem ta’ Zarb huwa ta’ min jistmerru u ma jista’ qatt jiġi aċċettat f’Malta. Skont il-PN dan huwa diskors li jġib il-firda u jammonta għal apoloġija għal delitt ta’ omm u ġurnalista.

Il-PN qal li l-kliem ta’ Zarb għandu jiġi kkundannat mill-Kamra tal-Parlament u li qatt ma tista’ tkun kompliċi f’diskors “minn min ġie onorat bl-ogħla ġieħ tar-Repubblika”. Il-mozzjoni ġiet iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

F’Settembru l-Eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier talab mill-ġdid għat-tneħħija ta’ Ġieħ ir-Repubblika lil Tony Zarb. Il-President wieġbet din it-talba billi spjegat li din mhix deċiżjoni li tista’ tieħu waħedha. Tony Zarb, f’wieħed mill-vloggs magħrufin tiegħu, qal li kien denju li jingħata Ġieħ ir-Repubblika għax ħadem għall-ħaddiema u għal Malta, u m’għamilx ħsara lill-pajjiż.

Qabel l-assassinju tagħha, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien irrefera għal Caruana Galizia bħala “biċċa blogger” waqt il-kampanja elettorali biex isir il-Kap tal-partit. Delia kien skuża ruħu wara l-assassinju għall-kummenti li għamel.

F’Ġunju tal-2017, Caruana Galizia kienet kitbet li l-kont ta’ Facebook ta’ Tony Zarb tneħħa peress li kien qed jippromwovi l-vjolenza grafika u għal harassment. Caruana Galizia kitbet li Zarb kien qed jinkoraġġixxi lin-nies biex jiktbu kummenti vjolenti kontra l-kritiċi tal-Gvern.

Tista’ taqra l-mozzjoni tal-PN minn hawn: AQRA

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *