Nadurjana

Filmat: “Intom responsabbli li tħarsu lill-poplu Malti mill-inġustizzja”

Minn Nicole Borg

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-Maġistrati huma mgħobbija  bir-responsabbiltà kruċjali li jħarsu lill-poplu Malti u Għawdxi mill-inġustizzja. Dan qalu waqt li kien qed jiċċelebra l-Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Forensi fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fl-omelija rrefera għall-pittura ta’ Caravaggio li tinsab eżebità fl-oratorju tal-Konkatidral li turi l-mument tal-qtil ta’ San Ġwann. Spjega kif din hija tradizzjoni ta’ kull sena li l-Quddiesa ssir quddiem din il-pittura li fiha jidher l-eżekutur u mhux minn ordna l-qtil tiegħu.

Irrimarka li din hija xi ħaġa li tiġri ħafna drabi fil-ħajja ta’ kuljum u f’bosta każi li jidhru quddiem il-Qrati f’pajjiżna. Irrimarka kif dan “il-kwadru li huwa l-martirju tal-prekursur ta’ Ġesù għandu jkun twissija għalina għaliex aħna u nibdew din is-sena forensi qed nibdew servizz essenzjali għall-pajjiż, dak li jħares iċ-ċittadin mill-inġustizzja. Il-Qrati tal-Ġustizzja ma jistgħux ikunu strument ta’ opressjoni.”

“Bniedem li jissielet għall-ġustizzja jrid ikollu ħafna għaqal”

L-Arċisqof semma l-erba’ virtujiet li kien jitkellem dwarhom il-filosofu Aristotile: il-prudenza, il-qawwa, it-temperanza u l-ġustizzja. Enfasizza b’mod partikolari fuq il-virtù tal-ġustizzja fejn sostna li “biex bniedem ikollu l-virtà tal-ġustizzja għandu bżonn ħafna għaqal, rażan u qawwa.” Kompla jgħid li l-virtà kardinali tal-ġustizzja tqis lill-proxxmu b’dinjità u rispett. “

“Issirux strumenti tal-gidba”

L-Arċisqof widdeb lill-Maġistrati kollha preżenti sabiex ma jkunux strumenti tal-gidba għax inkella jkunu qed jaħlu ż-żmien tagħhom u jagħtu servizz ħażin lir-Repubblika. Talab sabiex ikunu qaddejja tal-ġustizzja u jipprevjenu lill-poplu mill-arroganza tal-poter u l-instrumenti tal-inġustizzja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *