Nadurjana

“Għaliex infaqt €8,750 meta stajt infaqt €200?”

Minn Beppe Galea

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg baqa’ ma weġibx għall-mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt dwar l-iskandlu tal-business jet privat li huwa ddeċieda li għandu jinkera biex inġabet Malta s-Sinjura Jacquiline Gili, membru tal-Bord tal-Awtorità li ivvutat favur il-proġett kontroversjali tal-db group f’Pembroke.

Illum Newsbook.com.mt jista’ jiżvela li Gili kienet ilha li avżat li ma kinetx se tattandi għal-laqgħa u jsaqsi jekk il-kopja tat-trasferiment bankarju ppubblikata mill-Awtorità tal-Ippjanar hix il-ħlas kollu dovut.

Nefqu €8,750 minflok €200

Fost affarijiet oħra xtaqna nsaqsu lil Buttigieg għaliex iddeċieda li jonfoq €8,750 mill-flus pubbliċi meta seta’ nefaq biss xi €200 u Gili xorta kienet titwassal il-laqgħa fil-ħin.

Newsbook.com.mt kien il-portal tal-aħbarijiet li b’mod esklussiv ħabbar li Gili kienet inġabet f’jet privat minn Katanja dak in-nhar tal-laqgħa u reġgħet lura bl-istess jet lejn Katanja ftit wara li spiċċat il-laqgħa. Din kienet l-ewwel darba li membru tal-Awtorità nġieb bil-jet privat biex jivvota. Konna wkoll ħabbarna b’mod esklussiv illi dak in-nhar tal-laqgħa, il-linja tal-ajru Air Malta kellha titjiriet skedati li kienu jwasslu lil Gili fil-ħin għal-laqgħa.

Ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt nhar l-Erbgħa li għaddiet kien ċempel diversi drabi lill-Kap Eżekuttiv iżda ma rnexxilux jagħmel kuntatt ma’ Buttigieg minħabba li dejjem qata’ l-linja. Imbagħad il-Ġimgħa bagħatna mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar u anke fakkarnihom iżda għażlu li jibqgħu fil-muta.

Gili kienet ilha li avżat

Buttigieg, f’intervista mal-gazzetta Times of Malta ppubblikata l-Ġimgħa, qal illi jumejn qabel il-laqgħa kien sar jaf illi s-Sinjura Gili u persuna oħra ma kinux se jattendu għal-laqgħa. Qal li l-persuna li ma kienx se jattendi għal raġunijiet mediċi aċċetta li jmur għal-laqgħa. Newsbook.com.mt jaf l-identità ta’ dan ir-raġel iżda għażilna li ma nsemmux ismu. Newsbook.com.mt jikkonferma illi anke dan ir-raġel ivvota favur il-proġett tad-db group.

Waqt li Buttigieg qal li sar jaf biss jumejn qabel il-laqgħa Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma illi Gili kienet ilha diversi ġranet li infurmat lill-Awtorità li ma kinitx se tattendi. Newsbook.com.mt jistaqsi jekk allura hux il-każ li l-uffiċjal għoli li kien jaf li Gili ma kinitx se tattendi żamm l-informazzjoni għalih biss u jekk tassew għamel hekk għaliex.

Fejn hija l-invoice?

Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Settembru, l-għada li Newsbook.com.mt kixef li kien inkera business jet, l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat kopja tal-awtorizzazjoni ta’ bank transfer lill-kumpanija Lunajet fl-Isvizzera għall-ammont ta’ €8,750 kontra invoice 13307 iżda l-invoice ma kinitx ippubblikata.

Newsbook.com.mt qiegħed isaqsi għal kopja ta’ din l-invoice biex ikun jista’ jiġi vverifikat x’kienet tkopri eżattament dik l-invoice.

Kundanna ġenerali

Il-Gvern qal pubblikament illi ma jaqbilx li ntbagħat business jet biex tinġab Gili ħa tivvota iżda l-Gvern ma ħabbar l-ebda pass li ittieħed minħabba dak li sar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab li l-Ministru Ian Borg jerfa’ r-responsabbiltà politika u qal li hemm bżonn ta’ inkjesta pubblika. Imbagħad f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru qal li qed jistenna lill-Gvern iwieġeb fil-pubbliku dwar l-iskandlu tal-business jet privat.

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar injorat eluf ta’ oġġezzjonijiet mingħand ir-residenti u l-komunità tal-madwar meta approvat il-proġett kontroversjali tat-torrijiet tal-grupp db fil-bajja ta’ Pembroke.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *