Nadurjana

Ċiklist “attakkat b’ponn tal-ħadid f’Ħaż-Żebbuġ”

Minn Stefan Pullicino

Ċiklist qed jitlob għall-għajnuna ta’ xi xhieda li nsertaw fuq il-post u li raw l-inċident li fih allegatament sofra ġrieħi f’Ħaż-Żebbuġ waqt li kien qed jiġi attakkat minn sewwieq ta’ karozza b’ponn tal-ħadid.

Kollox jidher li beda meta sewwieq ta’ karozza allegatament beda jgħajjat maċ-ċiklist Robert Micallef sabiex dan jersaq lejn il-ġenb tat-triq, u qal li għall-ewwel il-karozza kompliet issuq.

Ftit wara iċ-ċiklist irrakkonta kif sab lix-xufier jistennieh barra l-karozza qrib l-Iskola tad-Dorotei f’Ħaż-Żebbuġ. Qal li ftit qabel, kien rah ifittex xi ħaġa minn taħt is-seat tal-karozza.

Skont Micallef, is-sewwieq li waqaf jistennieh kien Malti u kien liebes ċrieket tal-metall. Semma kif ir-raġel tah xebgħa tant li f’ħin minnhom spiċċa mal-art u qal li b’xorti tajba kien liebes il-helmet.

Żied jgħid li kellu jintervjeni raġel ieħor li waqaf biex jgħinu, u kien f’dak il-ħin li l-aggressur heddu li “jekk jerġa’ jarah, se jisparalu”.

Iċ-ċiklist qal li baqa’ sejjer fl-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ u wara ntbagħat l-isptar biex jiġbor rapport tal-feriti li ġarrab.

Fuq grupp ta’ Facebook li fih tella’ ritratti tal-ġrieħi li sofra wara dan l-inċident, Robert Micallef assigura lil kulħadd li ma kienx qed isuq fin-nofs tat-triq.

Il-ponnijiet tal-ħadid jew inkella kif inhuma magħrufa aħjar bħala ‘brass knuckles’ huma illegali.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *