Nadurjana

“Għandna kultura Nisranija, imma mhux twemmin Nisrani” – L-Isqof Grech

Minn Maria Webb

“Ħafna drabi bqajna kkatmati ma’ prattiċi reliġjużi li fi żminijietna ma għandhom ebda tifsira. Il-ħajja fadlilha l-forma reliġjuża, imma tbattlet mill-esperjenza.” Dan kien kliem l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech fuq l-Għolja tal-Karmelu fl-Iżrael, fl-ewwel jum tal-Pellegrinaġġ Djoċesan fl-Art Imqaddsa.

Dan il-kliem qalu fil-kuntest tal-esperjenzi tal-profeta Elija, li wara pellegrinaġġ ta’ erbgħin jum, għamel esperjenza ġdida tal-preżenza ta’ Alla. Elija kien tant iddispjaċut li r-reliġjon Lhudija kienet tilfet il-gost ta’ Alla li ddeċieda li jabbanduna l-komunità tiegħu u telaq lejn il-wied ta’ Gherit li hemm fl-għoljiet tal-Karmelu. Il-poplu beda jittraskura kemm lil Alla u kemm lill-foqra.

Skont l-Isqof Grech, dan illum jgħodd għalina bħala komunità ekkleżjali. Huwa hawnhekk fejn qal il-kliem li żammejna ħajjitna b’forma reliġjuża, iżda mingħajr it-tifsira ta’ warajha. Sostna li għandna kultura Nisranija, imma mhux twemmin Nisrani. Għalhekk, spjega li ma jistagħaġibx li tant iħallu l-istituzzjoni tal-Knisja sabiex ifittxu “preżenza” ġdida ta’ Alla.

L-Isqof Grech kompla jispjega li minkejja l-esperjenza qarsa li kellu fi ħdan il-komunità reliġjuża tiegħu, f’qalbu Elija kien fadallu l-passjoni għal Alla. Ix-xewqa għal Alla kienet qawwija u għalhekk, sab il-preżenza tiegħu fis-skiet tiegħu(1 Slat 19:12), li jirbombja f’qalb il-bniedem. Hawnhekk fejn Mons. Grech elabora li kieku Elija ħalla lilu nnifsu mxekkel mal-iskemi tal-antenati tiegħu sabiex jaċċertaw li hemm il-preżenza t’Alla, kien jitlef dan il-mument ta’ grazzja.

Huwa kkonkluda billi qal li hija ħasra li fil-Knisja tagħna hawn din ir-reżistenza kollha biex nagħmlu esperjenzi ġodda tal-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna llum. Huwa hawnhekk talab lil Marija sabiex tieqaf magħhom matul dan il-pellegrinaġġ biex jiftħu qalbhom għall-mod ġdid kif Alla jista’ jiġi jiltaqa’ magħhom lkoll.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *