Nadurjana

L-Għawdxin jipproponu aktar leave għax jitilfu 45 ġurnata jivvjaġġaw

Minn Christoph Schwaiger

Ġie propost li l-Għawdxin li jaħdmu f’Malta jingħataw aktar ħin ta’ leave peress li jitilfu sa 45 ġurnata fis-sena f’ivvjaġġar skont l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM).

F’dokument bi proposti għall-Baġit tal-2018-2019, l-AGEM qalet li l-ħaddiema Għawdxin ibatu b’mod finanzjarju, fiżiku, psikoloġiku, u b’ limiti ta’ ħin. Skont l-AGEM, il-ħaddiema li jużaw karozza privata jonfqu  madwar €1,700 fis-sena mingħajr l-ispejjeż tal-petrol. Dawk li jużaw servizz ta’ minibus jonfqu madwar €1,000. L-assoċjazzjoni qalet li n-nuqqas ta’ użu tal-karozzi tal-linja huwa marbut man-nuqqas ta’ garanzija li l-ħaddiema jaslu fuq il-post tax-xogħol fil-ħin. Spjegaw li l-Għawdxin li jitilgħu jaħdmu Malta jitilfu bejn 35 sa 45 ġurnata f’ivvjaġġar minn u lejn Malta u vice versa.

X’qed jipproponu?

  • Żieda ta’ 5% fil-leave tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta
  • Tinbena ‘hub’ f’Għawdex minn fejn il-ħaddiema ikunu jistgħu jaħdmu
  • Tiżdied karreġġjata fit-triq li tagħti lejn iċ-Ċirkewwa
  • Jitħaffef il-proċess tax-xiri tar-raba’ vapur u tal-fast ferry
  • Is-sussidju għall-ħaddiema tal-Gvern għandu jitla’ għal €720 (bħalissa jammonta sa massimu ta’ €300 fis-sena)
  • Linji gwida ġodda dwar it-teleworking u reduced working hours biex ma jkunx hemm diskrepanzi bejn id-dipartimenti tal-Gvern
  • Issir reviżjoni tal-Public Service Management Code, dokument li jirregola kif għandhom jaġixxu uffiċċjali pubbliċi, rigward il-punti l-aktar kritiċi għall-ħaddiema Għawdxin

Skont l-AGEM hemm aktar minn 7000 Għawdxin li jaħdmu f’Malta, 3000 fis-settur privat u 4000 fis-settur pubbliku. Madanakollu, dawn mhux kollha jaqsmu l-fliegu ta’ kuljum.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *