Filmat: Fearne jordna inkjesta minħabba l-ħelikopter ta’ Għawdex

Minn Beppe Galea |

hAra il film hawn: ttps://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/08/27/fearne-jordna-inkjesta-minhabba-l-helikopter-ta-ghawdex/#t=0:41
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-aħħar sigħat ordna li ssir inkjesta dwar dak li seħħ Għawdex nhar il-Ġimgħa li għaddiet fejn kien irrappurtat li l-ħelicopter tal-kumpanija Steward Healthcare ma kienx qed jaħdem.
Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal fuq Facebook li fl-istess ġurnata, pazjent iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex filgħodu f’kundizzjoni kritika u ma ttiħidx lejn l-Isptar Mater Dei qabel l-4.30pm. Spjega li dan kollu seħħ għax l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Chris Fearne qal li talab għall-verżjoni tal-amministrazzjoni tal-isptar privat u tkellem mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa biex tinfetaħ inkjesta dwar il-każ.
Mistoqsi jagħti t-Terms of Reference tal-inkjesta, il-Ministru Chris Fearne qal li għadu prematur li jagħti aktar dettalji.
“Il-pazjent kellu jittieħed l-isptar Mater Dei b’urġenza” – professjonisti
Professjonisti fl-Isptar Mater Dei li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-pazjent kien f’qagħda kritika u kien għalhekk li t-tobba ordnaw li jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza. Ġara li l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem u għalhekk iddaħħal fis-sala tas-CCU sakemm reġgħet iddaħħlet taħdem l-ambulanza tal-ajru.
Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt mal-amministrazzjoni tal-isptar privat ta’ Għawdex għal diversi drabi. Kelliema ta’ Steward Healthcare wieġbet aktar kmieni llum u qalet li kienu l-professjonisti stess li rrakkomandaw li l-pazjent jibqa’ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li għal xi ħin, saħħtu kienet ġiet stabbli.
Il-kelliema kkonfermat id-dijanjosi tal-pazjent kif ippubblikata mid-Deputat Chris Said fuq Facebook u qalet li l-pazjent iddaħħal l-isptar f’Għawdex fl-10.02am u ttieħed bl-ambulanza tal-ajru lejn l-Isptar Mater Dei fl-4.30pm.
Reazzjonijiet mingħand il-Ministru għal Għawdex u l-Kapijiet ta’ Steward
Il-Ġimgħa waranofsinhar, kemm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, il-Kap ta’ Steward Nadine Delicata u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex Joseph Fenech ippubblikaw ritratti tal-ambulanza tal-ajru ftit wara l-5pm biex juru li l-ħelicopter kien qed jaħdem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *