Konfużjoni fil-kju minn Għawdex

Minn Newsbook

Konfużjoni ta’ karozzi ddominat it-toroq ewlenin li jwasslu għall-Imġarr Għawdex.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-festa ta’ Għajnsielem u l-għeluq tat-triq ewlenija għal xi ħin, ilhom ippjanati, u għaldaqstant kellhom isiru l-arranġamenti meħtieġa biex it-traffiku ma jiġix affettwat. Skont l-istess persuni, in-nuqqas ta’ ppjanar, affettwa wkoll lis-sewwieqa li kienu fi triqithom biex jaqbdu l-vapur għal Malta. Uħud damu biex telgħu tliet sigħat.
Imma x’wassal għal dan?
• Meta t-triq ewlenija kienet magħluqa, it-traffiku ġie devjat lejn it-triq tal-Qala li twassal għal Triq Sant’Antnin, fejn hemm waħda mil-lukandi ewlenin f’Għawdex.
• Madanakollu, minkejja li l-uffiċjal tal-pulizija li kien qed jiddevja t-traffiku qal lis-sewwieqa li huma parti mill-kju tal-vapur, meta l-karozzi bdew jaslu fit-tarf tat-triq, bdew jintbagħtu lura ‘l fuq minn tliet pulizija oħra, lejn it-triq ewlenija, li sadanittant laħqet infetħet u l-kju għall-vapur beda jinġabar hemmhekk.
• Fuq nett, f’dak li suppost kien tarf tal-kju ma kienx hemm pulizija, bil-konsegwenza li l-kju spiċċa magħmul minn karozzi li kienu għall-vapur u oħrajn li mhumiex. Dan wassal ukoll għal argumenti bejn is-sewwieqa, għax bdew jaħsbu li hemm oħrajn li qed jaqbżuhom.
Dan li seħħ illum jikkuntrasta ma’ dak ta’ drabi oħra, meta l-pulizija li jikkontrollaw it-traffiku ġieli ħadmu bi proċedura li l-karozzi miż-żewġ toroq jingħaqdu fi kju wieħed fin-niżla li tagħti għall-vapur. Meta mistoqsi dwar dan minn Newsbook.com.mt, iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li f’ċirkostanzi bħal dawn, il-kju jkun biss dak li mit-triq ewlenija ta’ Għajnsielem iwassal għall-Imġarr.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *