Nadurjana

Aġġornata: L-ispettaklu tan-nar ta’ Ħal Lija se jsir

Minn Michela Cutajar

Membru mis-Soċjetà Mużikali San Pio X ta’ Ħal Lija qal ma’ Newsbook.com.mt li kemm l-ispettakklu tan-nar tal-art, kif ukoll dak tal-ajru ta’ Ħal Lija se jsir xorta waħda, u huwa mistenni jibda fid-9.30pm. L-istess soċjetà qalet li l-marċ tal-lum kellu jiġi mħassar minħabba l-maltemp.

Aktar kmieni llum…

Għalkemm il-pjan oriġinali ta’ ħafna dilettanti Maltin kien li l-festi jibqgħu għaddejjin bħan-normal minkejja l-maltemp, jidher li dan mhux se jkun possibbli.

Il-każin ta’ Ħal Lija avża li jekk it-temp jibqa’ kif inhu, ikun diffiċli ħafna li l-ispettaklu tan-nar isir bħas-soltu. Huma ċċaraw li jekk it-temp jaqleb għall-aħjar, l-ispettaklu tant mistenni jseħħ. Għadu mhux magħruf jekk il-festa ta’ Ħal Lija għada hux se tiġi affettwata mill-maltemp.

Kummenti li rċivejna aktar kmieni llum…

Membru mis-Soċjetà tal-Banda ta’ Ħal Lija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ispettaklu tan-nar tal-festa tas-Salvatur ta’ Ħal Lija, tant mistenni minn eluf ta’ Maltin, minkejja l-maltemp, se jsir bħas-soltu. Huwa stqarr li huma ħadu  l-prekawzjonijiet kollha sabiex jassiguraw li l-Maltin ikunu jistgħu jgawdu l-festi daqs li kieku ma hemmx xita. L-istatwi, l-planċier u l-kamra tan-nar ta’ Ħal Lija kollha ġew mgħottija bil-plastik.

Dilettant tal-festa ta’ San Ġużepp fil-Qala qal ma’ Newsbook.com.mt li dalgħodu niżżlu xi bandalori hekk kif bdiet tqattar ix-xita. Madanakollu, huwa spjega kif il-bandalori reġgħu ttellgħu hekk kif it-temp iċċara, u fortunatament, il-Qala ma ġietx affettwata mill-maltemp.

F’San Ġwann, dak kollu ppjanat għall-festa tal-Madonna ta’ Lourdes sar. Membru tal-każin tal-Banda tal-Madonna ta’ Lourdes qal ma’ Newsbook.com.mt  li l-membri tal-banda kollha pproteġew ruħhom personalment billi ġabu magħhom umbrella. Kellu jitniżżel xi armar sabiex ma ssirlux ħsara, madanakollu l-armar mistenni jittella’ hekk kif it-temp ikun jippermetti.

Din is-sena Malta qed taffaċċja ċirkostanza kemxejn mhux tas-soltu, fejn fil-bidu tax-xhar t’ Awwissu Malta ġiet milquta mill-maltemp. Dan il-maltemp ħabat ma’ diversi festi mistennija.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *