Nadurjana

Aġġornata (4): Tinstab soluzzjoni għad-diżgwid fil-PN

Minn Charmaine Attard

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li m’hemm ebda ħsieb li tinbeda xi proċedura interna fil-konfront tal-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Inkjesta Egrant. Dr Busuttil laqa’ d-dikjarazzjoni ta’ Delia.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan se jiġi kkonfermat mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li dan ifisser li Simon Busuttil se jibqa’ fil-Grupp Parlamentari tal-PN, filwaqt li Dr Delia se jżomm, kif inhi l-prerogattiva tiegħu, li jkun il-Kelliem għall-Governanza Tajba.

L-istqarrija tal-PN tkompli tgħid li Adrian Delia fakkar li hemm inkjesti Maġisterjali oħra li għadhom pendenti, li jqajmu mistoqsijiet serji dwar aġir ta’ esponenti ewlenin fil-Gvern. Isemmi b’mod partikolari lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

“Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iggvernar ħażin se tissaħħaħ” – Delia

Il-Kap Nazzjonalista stqarr li dawn l-esponenti baqgħu jgawdu impunità sħiħa, minkejja dak li sejjaħ provi ċari tal-aġir irresponsabbli tagħhom. Insista li l-PN se jsegwi b’mod dirett dawn il-proċeduri u jitlob li ssir ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli. Saħaq li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iggvernar ħażin tal-Gvern preżenti mhux talli mhix se tieqaf, talli se tissaħħaħ.

“L-Oppożizzjoni għandha tingħaqad kontra l-uniku avversarju politiku” – Busuttil

Min-naħa tiegħu, fi stqarrija maħruġa mill-PN stess, l-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ l-istqarrija tal-Kap Nazzjonalista fil-konfront tiegħu. Fakkar ukoll li għad hemm inkjesti Maġisterjali importanti li huma pendenti li “jitfgħu dell serju u ikrah”. Enfasizza li l-Oppożizzjoni għandha tkun magħquda kontra l-uniku avversarju politiku li fi kliemu hu l-Gvern preżenti.

“Delia jċedi u jagħmel tiegħu l-gidba dwar Egrant” – PL

F’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia ċeda għat-talbiet ta’ dak li sejjaħ l-establishment u li spiċċa rtira t-talba li għamel lil Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu mill-PN.

Kompla jgħid li b’dan il-pass Adrian Delia issa għamel tiegħu wkoll il-gidba dwar Egrant, u li mil-lum ‘il quddiem anke hu għandu xi jwieġeb dwar dak li sejjaħ frame up. 

Aqra t-tliet stqarrijiet sħaħ hawn: 

Stqarrija PN: Riżolta-s-sitwazzjoni-fil-PN

Stqarrija PN: Mid-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil

Stqarrija PL

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *