Nadurjana

Patri Montebello jirringrazzja lill-Arċisqof

Minn Christoph Schwaiger

Patri Mark Montebello rringrazzja lill-Arċisqof Charles Scicluna tal-għajnuna tiegħu biex ikun jista’ jerġa’ jikteb fil-ġurnali.

Il-gazzetta It-Torċa qalet fil-faċċata tagħha li wara madwar 11-il ġimgħa ċċensurat milli jesprimi l-opinjoni tiegħu, Patri Montebello reġa’ ppubblika ittra fit-taqsima tal-opinjonijiet tal-gazzetta .

Fl-aħħar tal-ittra tiegħu, il-patri rringrazzja lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, lill-Isqof Elett Mons. Joe Galea Curmi, is-Superjur tiegħu f’Ruma P. Bruno Cardoré u lil P. Frans Micallef għall-għajnuna tagħhom “f’din l-istorja”.

Fil-ħarġa tat-Torċa llum, Patri Montebello kiteb apoloġija li kienet kundizzjoni li kellu jaċċetta “għat-tneħħija tal-impożizzjoni tas-silenzju” fuqu għal tliet snin. Hu talab maħfra minn dawk li weġġgħu bil-kliem li uża.

F’Marzu li għadda,  wara li diversi gazzetti u siti tal-aħbarijiet kienu rrappurtaw li l-Arċisqof ordna lill-Patri Mark Montebello biex ma jkomplix jikteb fil-gazzetti, Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ kelliem għall-Kurja. Hu qal li mhux veru li l-Arċisqof Charles Scicluna ordna lill-Patri Mark Montebello biex ma jkomplix jikteb fil-gazzetti.

It-Torċa kienet qalet li l-kolonna ta’ Patri Mark Montebello kienet nieqsa minħabba li fi kliemha l-Knisja heddet lill-Patri Mark li ċċaħħdu mill-istatus ekkleżjastiku tiegħu jekk ma jobdix l-ordnijiet tagħha.  Skont il-gazzetta, dan minħabba l-kritika tiegħu għall-istrateġija tal-Knisja kontra l-emendi proposti mill-Gvern biex idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf.

Wara, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal fi stqarrija li avviċina lill‑Provinċjal tal‑Ordni Dumnikan u infurmah li jinsab dispost jgħin biex tinstab soluzzjoni sabiex Patri Mark Montebello jkun jista’ jkompli b’kitbietu.

Rachel Attard, Editor-in-chief ta’ The Malta Independent u Peppi Azzopardi, il-preżentatur tal-programm Xarabank, kienu tkellmu b’mod pożittiv ma’ Newsbook.com.mt dwar kif ġab ruħu l-Arċisqof Scicluna fuq il-każ ta’ Patri Mark Montebello. Mill-banda l-oħra l-Prof. Godfrey Pirotta qal li la ma ġewx ippubblikati l-fatti kollha diffiċli tgħid jekk dak li qed jipproponi l-Arċisqof hux soluzzjoni tajba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *