Nadurjana

Il-Milied jasal f’Monte Karmeli?

Minn Charmaine Attard

L-assenza assoluta ta’ tiżjin tal-Milied fl-Isptar Monte Karmeli kienet waħda mill-osservazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO).

Fir-rapport dwar l-Isptar Monte Karmeli, ġie spjegat li ħafna miż-żjarat tal-uffiċjali tal-NAO saru waqt il-perjodu tal-Milied.

Skont l-uffiċjali, dan la hu aċċettabbli għall-pazjenti u lanqas għall-impjegati.  Iddeskrivew l-ambjent f’numru ta’ swali bħala ikrah u anke b’għamara mhux adekwata. “M’għandux ikun hekk għal kwalità ta’ saħħa tajba u d-dinjità tal-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali”, jinsisti l-NAO fir-rapport.

Madanakollu, irrimarka wkoll dwar numru ta’ swali miżmuma sew u jinnota l-isforzi li jsiru. Fost l-oħrajn isemmi ħitan ikkulurit, purtieri, pitturi u messaġġi ta’ ispirazzjoni mal-ħitan. Saħansitra waħda mis-swali għandha kamra tas-salott, b’mejda tal-ikel, f’ambjent li jwassal biex il-pazjent iħossu li qiegħed id-dar.

Dan jikkuntrasta ma’ oħrajn, b’ħitan u art imtebba’, madum antik u bla purtieri. L-Awditur Ġenerali jinnota wkoll li swali mmexxija min-nisa u li fihom pazjenti nisa, kienu aktar attrezzati meta mqabbla ma’ dawk mill-irġiel.

Insista kemm-il darba li din is-sitwazzjoni twassal biex taffettwa s-saħħa mentali, mhux biss tal-pazjenti imma anke tal-impjegati. Irrimarka wkoll li l-maniġment ma deherx kommess li jinkiseb l-inqas livell aċċettabbli fis-swali kollha.

Kull sena, f’Monte Karmeli ssir fiera tal-Milied, li ilha ssir mill-1964 u li ġiet imwaqqfa mill-Friends of Mount Carmel Hospital Society.

Tista’ tara r-rapport sħiħ hawn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *