Nadurjana

Iħalli Malta biex isalva t-tfal; martu waħedha fl-anniversarju

Il-bugħaddas ibbażat f’Malta jerħilha lejn it-Tajlandja biex isalva lis-subien maqbudin f’għar

Bugħaddas Finlandiż li hu bbażat f’Malta huwa wieħed minn dawk li qegħdin jgħinu biex isalvaw lis-subien Tajlandiżi li għebu f’għar f’Chiang Rai, it-Tajlandja, ix-xahar li għadda.

Mikko Paasi ħabbar fuq il-midja soċjali l-ġimgħa l-oħra li se jkun qiegħed jingħaqad fil-ħidma ta’ salvataġġ tas-subien, wara li dawn instabu ħajjin il-ġimgħa li għaddiet. Huwa beda triqtu lejn it-Tajlandja propju fil-jum tal-anniversarju tiegħu ma’ martu Krista.

Hija kitbet fuq Facebook li minflok ibbukkjat f’restorant għall-anniversarju taż-żwieġ tagħhom, kienet qed tibbukkja l-biljetti tal-ajruplan għal żewġha li jagħmel li jista’ biex jgħin lill-proxxmu, anke jekk irid jaqsam id-dinja.

Mikko u martu jmexxu ċentru għall-bugħaddasa f’San Pawl il-Baħar, li ilu miftuħ sentejn, u hu bbażat fuq Koh Tao, gżira Tajlandiża magħrufa mal-bugħaddasa.

Meta Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-koppja, mart il-bugħaddas, Krista, qalet li bħalissa ma jistgħux jagħtu kummenti lill-midja peress li l-ħidma għadha għaddejja.

Il-ħidma bdiet ilbieraħ u s’issa nħarġu 8 subien qawwijin u sħaħ. Fadal 4 subien oħra u l-kowċ tagħhom.

Din il-missjoni mhijiex waħda faċli, u Krista kitbet li għalkemm tinsab beżgħana għal ħajjet żewġha, tammira bis-sħiħ il-kuraġġ tiegħu.

Wieħed mill-bugħaddasa Tajlandiżi li kien qed jgħin f’din il-missjoni tilef ħajtu nhar il-Ġimgħa, hu u jogħdos biex jagħti tankijiet tal-ossiġnu lis-subien u l-kowċ tagħhom, għaliex ma kellux biżżejjed ossiġnu għalih innifsu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *