Itfa’ qasrija biex iżżomm parkeġġ u teħel €100 multa

LIAM CARTER
 Minn qasrija sa kantun: xena komuni li tara fit-toroq Maltin biex jinżamm parkeġġ… Transport Malta twissi

Riċentement il-gazzetta ILLUM irċeviet numru ta’ ilmenti dwar tendenza li donnha saret komuni fit-toroq Maltin jiġifieri dik li individwi jpoġġu strutturi diversi bħal xi qasrija jew xi siġġu biex iżommu xi spazju ta’ parkeġġ viċin ir-residenza tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ILLUM bagħtet numru ta’ mistoqsijiet dwar dan lill-entità li hi responsabbli mit-toroq arterjali u distributorji kollha, Transport Malta. Fost l-oħrajn din il-gazzetta staqsiet jekk dan l-att iġibx miegħu kontravenzjoni u kif hi qed taħdem biex tindirizza dawn l-abbużi.

Fir-risposti tagħha, TM ikkonfermat li hemm dispożizzjonijiet fil-liġi li jipprovdu għal meta xi ħadd b’xi mod jew ieħor jostokala triq pubblika. “Il-Pulizija u l-Gwardjani Lokali jistgħu joħorġu multi fuq dawn il-kontravenzjonijiet.”

Transport Malta żvelat ma’ din il-gazzetta li minn jagħmel dan l-att jista’ jeħel multa ta’ €100. F’każijiet fejn il-ksur ta’ liġi jkun ġej minn kuntratturi din il-multa iżda tiżdied.

Transport Malta qalet ukoll li hi kontinwament tiġbor vetturi li jkunu fit-triq illegalment, vetturi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ikunu qegħdin jokkupaw spazji pubbliċi.

Għaldaqstant, kelliem ta’ Transport Malta saħaq mal-ILLUM li “l-edukazzjoni, biex dawk li jużaw tat-toroq tagħna jkunu responsabbli hija prijorità. TM taħdem kontinwament biex tkompli twassal it-tagħrif u l-għarfien lill kull min juża t-toroq u għandha fil-ħsieb li tkompli din il-ħidma.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *