Serqa kbira minn dar ta’ 3 anzjani f’Għawdex

Charmaine  Attard

Mill-inqas erba’ ħallelin daħlu mgħammda f’dar ta’ tliet aħwa anzjani fil-Qala u serqu ammont kbir ta’ flus kontanti.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7 ta’ filgħodu fi Pjazza San Kerrew, ħdejn il-Knisja tal-Kunċizzjoni.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li tnejn min-nisa, li għandhom 74 u 69 sena marru l-quddies, filwaqt li l-oħra li għandha 83 sena baqgħet id-dar.

Qalu wkoll li meta ż-żewġ nisa waslu lura d-dar sabu lil oħthom marbuta ma’ siġġu

Kelliem għall-Pulizija qal li ftit wara li ż-żewġ nisa waslu lura d-dar, ħabbat il-bieb u meta fetħu sabu ma’ wiċċhom għadd ta’ ħallelin mgħammda li talbuhom il-flus.

Skont is-sorsi, il-ħallelin rabtu lill-anzjana ta’ 83 sena u bdew iqallbu fid-dar.  L-anzjana sofriet ġrieħi ħfief.  Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post b’vettura bajda.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *