Filmat: Iż-żgħażagħ li jqattgħu sajf f’Ħondoq kontra l-iżvilupp – tfajla mill-Qala

Christoph  Schwaiger

Iż-żagħżugħa Corinne Borg mill-Qala qalet li bdiet petizzjoni kontra l-iżvilupp miż- Żgħażagħ Qalin li jqattgħu sajf sħiħ fil-bajja ta’ Ħondoq.

Borg kienet qed titkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM.

Iż-żagħżugħa tħoss li Għawdex huwa isbaħ fl-istat naturali tiegħu milli jekk ikun mimli blokok tal-konkrit bħal Malta. Stqarret li l-Maltin jmorru Għawdex biex jirrilassaw. Borg qalet li l-petizzjoni titlob lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dan il-proġett u biex isir referendum.

Ma tistax tifhem għalfejn reġgħet qamet din il-kwistjoni issa wara ġlieda ta’ 16-il sena. Stqarret li minkejja li l-poplu huwa kontra l-proġett, l-awtoritajiet iddeċidew li jinjorah. Hi temmen li l-kwistjoni tal-Ħondoq għandha tinqata’ skont ir-riżultat ta’ referendum u mhux skont id-deċiżjoni ta’ xi bord.

Fi kliem Borg, il-proġett se jwassal biex Għawdex isir aktar żviluppat u li jkompli jattira t-turisti. Madanakollu, qalet li ż-żgħażagħ Għawdxin ma jixtiqux li l-gżira tagħhom issir kopja tal-gżira Maltija. Qalet li ma taħsibx li hemm bżonn li jinbnew aktar lukandi biex aktar turisti jmorru lejn Għawdex. Qalet li dawn jimmeraviljaw ruħhom bil-bajjiet Għawdxin.

Is-saga tal-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien ilha għaddejja 16-il sena u meta l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar qatagħha kontra l-iżviluppaturi, dawn appellaw għax qalu li d-deċiżjoni kienet ittieħdet fuq pjanti bikrija mhux fuq pjanti riċenti. L-iżvilupp jipproponi appartamenti, vilel u lukanda u l-aċċess s’issa liberu għall-għawwiema aktarx ikun ristrett minħabba il-kummerċjalizzazjoni tax-xtajta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *