“Il-Griżma hija don għall-imqarbin” – Isqof Grech

Stefan  Pullicino

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li s-sagrament tal-Griżma huwa don għall-imqarbin biex l-Ispirtu s-Santu jgħinhom isibu l-paċi.

Waqt omelija fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin fil-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria, spjega li Ġesù ma bagħatx l-Ispirtu s-Santu fuq il-qaddisin, imma fuq bnedmin dgħajfa biex jgħinhom jegħlbu l-limiti tagħhom.

Spjega li Ġesù bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli biex ikun “qrib tagħhom” u qatt kontra tagħhom.

Tkellem dwar il-ħajja tal-bniedem, li toffri mumenti li fihom ikun se jaqta’ qalbu għax ma jirnexxilux jagħmel tiegħu l-ideali kollha tal-Vanġelu.

L-Isqof Grech ammetta li xi drabi l-verità oġġettiva tidher ’il bogħod u forsi wkoll li ma tistax tintlaħaq, iżda qal li l-bniedem xorta għandu jibqa’ jimmira lejha. Fakkar kif l-Ispirtu s-Santu mhux biss dak li jiddefendi lill-bniedem kontra l-Ħażin, imma wkoll quddiem Alla.

Kompla jgħid li l-Ispirtu Santu jgħinna ngħixu r-rieda ta’ Alla f’ċirkustanzi tal-ħajja li dejjem qed jinbidlu u miegħu, jinbidel il-mod ta’ kif ngħixu l-Vanġelu. Argumenta li l-Ispirtu s-Santu jgħinna nsibu tweġibiet ġodda għal realtajiet ġodda.

Bl-Ispirtu s-Santu mal-bniedem, l-Isqof Mario Grech qal li ebda persuna ta’ rieda tajba ma hija irrekuperabbli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *