Pompi tal-petrol: “Qed tingħata impressjoni li l-permessi qed joħorġu qishom pastizzi”

Mill-Parlament

Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-impressjoni li l-permessi għall-pompi tal-petrol ġodda qed joħorġu qishom pastizzi mill-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa qal li madanakollu l-verità hi li f`temp ta’ tliet snin ħarġu tliet permessi li jinkludu żewġ rilokazzjoni taż-żewġ pompi tal-petrol mill-irħula għal postijiet iktar siguri.

Huwa qal dan wara li lbieraħ id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li “se jkollna 50 darba iktar mill-Fosos f’pompi tal-petrol”.

Muscat qal li l-Awtorità niedet politika dwar l-iżvilupp High-Rise, fejn ġew idenitifikati sitt żoni fejn jista’ jsir dan l-iżvilupp, waqt li qabel kellek id-dritt tibni torri fejn trid f’Malta u Għawdex.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li dan il-Gvern qed jagħmel tajjeb għat-telqa li sab fil-qasam tal-belt. Huwa qal li bħala parti mill-istrateġija għall-Kottonera, se jkun hemm spazji magħluqin li se jingħataw lura. Bedingfield qal li dawn l-ispazji jinsabu bejn Ħaż-Żabbar u l-Bormla, bejn il-Birgu u l-Kalkara.

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li minkejja r-regoli, f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan qed jingħataw permessi għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u x-xogħol mhux qed jieqaf għax-xhur tas-sajf minkejja li huma żoni turistiċi.

Min-naħa tiegħu, Fredrick Azzopardi qal li l-Ministru għall-Ambjent ftit li xejn jista’ iwaqqaf l-isfreġju ambjentali f`Għawdex u sostna li d-demmiela fil-Munxar se tkun 150 metru ‘l bogħod biss miż-żona residenzjali. Dan il-proġett se jikkaġuna ħsara ambjentali u ħsara għar-residenti għaliex il-ħmieġ tal-annimali għandu elementi tossiċi.

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono għamlet appell biex jiġi salvat dak li fadal minn Wied Għomor u ma jkomplix jinqered għaliex dan hu l-uniku pulmun taż-żona ta’ San Ġwann u s-Swieqi.

Godfrey Farrugia min-naħa tal-Partit Demokratiku qal li waqt li l-liġi hija tajba, il-Gvern għandu jmur lill hin billi tagħti protezzjoni liż-żoni urbani u jieħu żoni mhux żvilupati u jagħtihom lil NGOs qabel ma jintilifu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *