90 sena ta’ Farsons

It-Tlieta, 15 ta’ Mejju 2018

Il-pubbliku jista’ jgħix mill-ġdid id-90 sena ta’ servizz li offriet s’issa lil pajjiżna l-birrerija ta’ Farsons. Dan hekk kif il-kumpanija fetħet wirja ġdida fil-faċilitajiet tagħha fl-Imrieħel.

Farsons bdiet minn binja ferm iżgħar fl-1928 fil-Ħamrun, minn fejn bdiet tiġi prodotta wkoll l-ewwel birra Maltija, il-Farsons Pale Ale fid-19 t’April tal-1928.

Minn dakinhar il-kumpanija evolviet tant li kien hemm bżonn faċilitajiet ferm ikbar, imxiet għall-Imrieħel u llum-il ġurnata saħansitra timpjega mat-800 ħaddiema assistiti mill-aħħar teknoloġija.

Taħt it-tmexxija taċ-Chairman tal-Grupp Farsons, Louis A Farrugia, Farsons fl-aħħar għaxar snin investiet mal-mitt miljun biex issa għaddejja wkoll bi proġett li se jara l-parti l-antika tiġi rijabilitata u tinqaleb f’ċentru għall-viżitaturi u mużew, kif ukoll spazju miftuħ, faċilitajiet ġodda għall-ħaddiema kif ukoll spazju għal iktar ħwienet tal-kumpanija.

Il-wirja nfetħet it-Tlieta, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u għandha l-għan li turi mhux biss il-passat umli imma glorjuż ta’ Farsons iżda wkoll il-viżjoni tal-grupp li Farsons issir kumpanija reġjonali tal-Mediterran.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *