Titlesta r-roundabout ġdida bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa

Stefan  Pullicino

Il-Ministeru għat-Trasport qal li fil-jiem li għaddew tlesta l-bini mill-ġdid tar-roundabout biswit ir-residenza San Vincenz de Paule, li tgħaqqad Ħal Qormi ma’ Ħal Farruġ, Ħal Luqa u għadd ta’ lokalitajiet oħra fin-nofsinhar ta’ Malta.

Intqal li fl-aħħar jiem ingħataw l-aħħar saffi ta’ asfalt madwar ir-roundabout u l-korsiji ġodda li nbnew magħha sabiex it-triq issir iktar effiċjenti u sigura.

Il-Ministeru spjega li din ir-roundabout tfasslet b’disinn ġdid sabiex tkun aktar adattata għall-volum kbir ta’ vetturi li jgħaddu minnha ta’ kuljum.

Inbnew ukoll żewġ bypass lanes ġodda fiż-żewġ direzzjonijiet biex inqas karozzi jkollhom bżonn joqogħdu jduru mar-roundabout.

Tħabbar li fiż-żmien li ġej, se tibda fażi oħra ta’ dan il-proġett li tinkludi t-twessigħ ta’ Triq Ħal Qormi, bejn ir-roundabout li għadha kif tlestiet u Ħal Luqa.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq dwar l-impenn tal-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin jikseb infrastruttura tat-toroq ta’ kwalità għolja, b’inqas dewmien fl-ivvjaġġar u inqas riskji ta’ inċidenti.

Ritratti: MTIP

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *