Il-Pulizija tfittex Għawdxija li allegatament talbet lill-akkużat jagħmel theddida finta ta’ bomba

 

LOKALI

Mosti tressaq il-Qorti u ammetta li nhar it-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet għamel telefonata anomima lill-Pulizija b’theddida ta’ bomba fuq il-vapur tal-Gozo Channel li konsegwenza tagħha waqqaf is-servizz għal kważi erba’ sigħat b’inkonvinjent kbir għal mijiet ta’ passiġġieri.

Ronald Mallia ta’ 30 sena mill-Mosta, ġie identifikat bħala l-persuna li l-ġimgħa l-oħra ċempel b’mod anonimu lill-Pulizija u qal li hemm bomba fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel. L-investigazzjoni tal-Pulizija fuq it-telefonata annomina waslet biex Mallia ġie identifikat li ċempel mit-telephone box li hemm fil-kantuniera ta’ bejn Triq ir-Repubblika u Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta u anke deher fuq cameras tas-sigurtà li hemm fl-inħawi.

TVM huwa infurmat li l-Pulizija għadha qed tfittex mara Għawdxija, li allegatament talbet lill-akkużat sabiex jagħmel din it-telefonata għax ma riditx tiġi Malta biex tidher f’kawża fil-Qorti.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Ronald Mallia ġie akkużat mis-Supretendent Antonello Grech u l-Ispettur Omar Zammit, li ħoloq biża’ fuq il-ħaddiema tal-Gozo Channel u lill-passiġġieri, kif ukoll li għamel dan it-theddid permezz ta’ apparat tat-telekommunikazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni saħqet illi r-reat li wettaq Mallia kien serju u gravi u li qajjem kjass għax waqqaf il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex. Qalet li dan wassal biex fost oħrajn pazjenti tilfu l-appuntamenti fl-isptarijiet fosthom għal kura tal-kanċer u turisti li tilfu t-titjiriet tagħhom. Il-Prosekuzzjoni sostniet illi dan l-aġir ma jistax jiġi ttollerat u għalhekk talbet biex Mallia, li ammetta akkużi, jingħata piena ta’ priġunerija effettiva.

L-Avukati Difensuri, Paul Borg u Clint Tabone qalu li Mallia wettaq dan ir-reat mingħajr ma ħasibha. Appella flok il-ħabs jingħata jagħmel xogħol fil-komunità. Il-Maġistrat Bugeja ser jagħti s-sentenza fl-aħħar tax-xahar u sadanittant ta l-ħelsien mill-arrest lil Mallia b’garanzija personali ta’ €20,000.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *