L-ineffiċjenzi fis-servizz tal-Gozo Channel – Tbatijiet żejda għall-ħaddiema u l-pazjenti

Il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2018

Is-servizz ta’ vjaġġi bejn il-gżejjer mill-vapuri tal-Gozo Channel spiss qed ikun ineffiċjenti u jikkawża dewmien għal kull min ikun irid jaqsam minn Malta għal Għawdex jew bil-kontra.

Diversi huma r-raġunijiet li qed jikkawżaw dan id-dewmien spiss bil-vittmi jkunu dawk li jridu jużaw is-servizz li minflok qed isibu servizz spiss ineffiċjenti u b’ħafna dewmien.

Matul il-jiem li għaddew f’aktar minn okkażjoni waħda s-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex u viċi versa ntlaqat minn dewmien esaġerat – fosthom f’każ partikulari minħabba theddida finta ta’ bomba – li iżda wasslu biex passiġġieri u sewwieq nqabdu kemm fuq il-moll taċ-Ċirkewwa u anki fuq il-moll tal-Imġarr f’Għawdex.

F’ċerti istanzi l-kjuwijiet tal-karozzi kien wieħed mill-aktar eżorbitanti… fiċ-Ċirkewwa saħansitra sat-Torri l-Aħmar u fl-Imġarr sa Għajnsielem… b’mijiet ta’ vetturi ta’ kull tip jistennew li jmisshom huma biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

Dan il-fatt li qed isir aktar spiss mhux biss kull darba jqanqal id-diskussjoni dwar il-bini ta’ mina jew pont biex tiffaċilità t-trasport bejn iż-żewġ gżejjer, iżda issa aktar minn qatt qabel li Għawdex b’dan id-dewmien qiegħed spiss jisfa’ iżolat.

Hu stat ta’ fatt li Għawdex jiddependi kompletament minn Malta u kemm-il darba ma jkunx hemm effiċjenza fit-tħaddim tas-servizz tal-ivvjaġġar mill-Gozo Channel, allura Għawdex jispiċċa jinqata’ b’mod totali għalih.

Fost l-aktar li qed ibatu minn dawn is-sitwazzjonijiet xejn feliċi huma l-pazjenti Għawdxin li jkunu qasmu Malta għall-kura li litteralment jew jinqabdu jistennew biex jiġu fl-Isptar Mater Dei jew inkella jinqabdu f’Malta jistennew biex imorru lura f’darhom ġewwa Għawdex.

Ma’ dawn u f’numri ferm akbar huma l-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu bejn il-gżejjer biex jaħdmu jew jistudjaw f’Malta. Hemm għadd ġmielhom li jaqsmu darba fil-ġimgħa, iżda hemm oħrajn li jaqsmu prattikament kuljum. Dawn qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet akbar mis-soltu għaliex mhux biss ikollhom iqumu aktar kmieni filgħodu jew jinġabru lura d-dar aktar tard filgħaxija, imma issa qed jispiċċaw jinqabdu spiss f’dan id-dewmien.

In-nuqqas ta’ effiċjenza fit-tħaddim tat-trasport tal-Gozo Channel issa jidher li qed jibda jolqot ukoll lill-aspett tan-negozju u l-kummerċ f’Għawdex. Prattikament il-materjal kollu fis-suq f’Għawdex jittieħed minn Malta tramite l-vapuri tal-Gozo Channel. Issa qed jirriżulta li kaġun tad-dewmien importaturi u negozjanti f’Għawdex qed ikunu kostretti li jidħlu fi spejjeż żejda u kull darba li jinqabdu fil-kjuwijiet allura dawn l-ispejjeż jafu jilħqu l-mijiet ta’ ewro.

Qed jilmentaw ukoll dawk li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mit-turisti għaliex qed jirriżulta wkoll li minħabba d-dewmien u minħabba li xi drabi jkun hemm vjaġġi kanċellati, allura l-mawra ta’ ċerti gruppi ta’ turisti tispiċċa ddum ferm inqas milli programmata.

Aktar kmieni din il-ġimgħa diġà wrew it-tħassib tagħhom kemm il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta. Dawn it-tnejn appellaw lill-awtoritajiet biex jindirizzaw b’urġenza din ir-realtà li qed tikkawża numru ta’ tbatijiet fost l-Għawdxin.

L-istudenti Għawdxin ukoll din il-ġimgħa fi stqarrija esprimew tħassib dwar skumditajiet għalihom, mhux biss fit-trasport bejn iż-żewġ gżejjer iżda wkoll fil-kirjiet għoljin f’Malta li bilfors ikollhom iħallsu minħabba li hu impossibbli li jivvjaġġaw kuljum  minħabba l-impenji tal-istudji fl-università jew f’istituzzjonijiet oħrajn edukattivi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *