Imut l-attur maħbub Charles Thake

Minn Nicole  Borg

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Charles Thake.

Thake miet fl-età ta’ 90 sena, u ħalla warajh sitt itfal, neputijiet, ħbieb u bosta ammiraturi ta’ xogħlu.

Għal xi żmien, Charles kien jippreżenta programm fuq l-istazzjon tar-radju RTK 103FM bl-isem ta’ Dak Kien Żmien.

Charles Thake jibqa’ magħruf l-aktar għall-esperjenza kbira li kellu fix-xena tat-teatru lokali, fejn deher f’għadd ta’ produzzjonijiet, kemm fuq il-palk, kif ukoll fit-teatru.

Kien parti mill-kumpaniji teatrali Maleth u Atturi Theatre Group, kif ukoll l-MADC.

Fost il-produzzjonijiet li kien fihom hemm F’Baħar Wieħed, Nhar it-Tieġ u Inkwiet.

Hu ħadem ukoll ma’ għadd ta’ kumpaniji tal-films u tat-televiżjoni barranin, filwaqt li kien magħruf ukoll mal-komunità Maltija fl-Awstralja.

L-aħbar ta’ mewtu ħariġha ibnu David Thake, l-eks-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, li spjega kif Malta tilfet wieħed mill-ifjen irġiel li kellha, iżda jinsab ċert li issa kuntent, jitkellem ma’ martu fid-dinja l-oħra.

Sostna li hija aħbar kerha li rċieva propju dakinhar meta kellu jivjaġġa u għaldaqstant kienet impossibli li jkun ma’ missieru fl-aħħar mumenti tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *