“Mhux unur li nagħmlu l-flus minn xi ħaġa li tkisser il-familji”

Nicole  Borg

L-Arċisqof Charles Scicluna insista li mhux unur li l-pajjiż jagħmel il-flus minn vizzji li jkissru l-familji u ż-żgħażagħ u jċaħħdu lill-persuni mid-dinjità tagħhom.

Dan qalu waqt li kien qed jiċċelebra Quddiesa f’għeluq il-170 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.

Fl-omelija, l-Arċisqof tkellem dwar l-importanza li meta wieħed iħares lejn it-tkabbir ekonomiku jassigura li dan ma jkunx qed isir minn inizjattivi li jinnormalizzaw il-vizzji u d-dipendenzi umani bħad-drogi, il-gaming u l-prostituzzjoni.

“Dik mhijiex barka, dik ngħidilha b’isimha: dik hija saħta,” kompla jgħid l-Arċisqof.

Spjega kif hemm bżonn li wieħed jirrifletti jekk hux san jew korrett li hemm intrapriżi li jagħmlu ħafna flus imma huma “mitmugħa minn dipendenza ta’ ħaddieħor” bħall-kumpaniji tal-gaming.

“Ġid li ma jġibx barka”

Mons. Scicluna semma wkoll il-possibiltà li ‘l quddiem dan iseħħ ukoll jekk l-użu tal-kannabis mediċinali ssir rikreazzjonali, kif ukoll jekk il-prostituzzjoni tiġi normalizzata. Sostna li dan huwa t-tip ta’ ġid li ma jġibx barka.

L-Arċisqof kompla jispjega li hemm bżonn li Malta jkollha industrija li mhix biss f’saħħitha imma wkoll nadifa, “mhux biss fil-kriterji tagħha, imma wkoll fl-għanijiet tagħha u bil-mod kif tagħmel il-flus”.

Irrimarka li dawn huma l-mumenti meta wieħed jieqaf u jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistaqsi kif qed jagħmel il-flus tiegħu. Fl-istess waqt spjega li xogħlu bħala Arċisqof għandu jfakkar li l-kapital m’għandux biss jitħaddem għall-profitt, imma wkoll biex jipprovdi u jagħti dinjità lill-ġenerazzjonijiet futuri.

“Governanza tajba, integrità, rispett u ġid komuni”

L-Arċisqof talab sabiex il-kummerċ u l-intrapriża Maltija jużaw prattiċi eżemplari.

Sostna li l-ewwel nett li l-kriterji ta’ kif jitħaddem il-kapital u ta’ kif wieħed jagħmel profitt ikun dejjem fil-kuntest ta’ governanza tajba, ta’ integrità, ta’ rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiema u ta’ kull bniedem u fil-kuntest ukoll li nfittxu l-ġid komuni.

“Insistu ma’ min għandu l-poter”

Għaldaqstant insista dwar l-importanza tal-vuċi ta’ dawk kollha preżenti biex jinsistu ma’ min għandu poter u biex ma jiddejqux iwasslulu kliem ta’ verità.

“Issieltu biex ikun hawn ambjent ta’ vera libertà”

Talabhom biex ikomplu joħolqu ambjent ta’ fiduċja u jissieltu biex ikun hawn ambjent ta’ vera libertà. Sostna li mhux aċċettabbli li jkun hemm kummerċ magħmul minn atmosfera ta’ kuntratti servili “lejn min suppost hu qaddej tal-poplu”.

Ritratt: Kurja – 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *