Filmat: L-Arċisqof iħabbar għotja ta’ propjetà ta’ €8 miljun lill-Hospice

Nicole  Borg
L-Arċisqof Charles Scicluna ħabbar li l-Knisja f’Malta tat propjetà li tiswa €8 miljun lill-Moviment Hospice għat-twaqqif tal-ewwel faċilità moderna għall-kura paljattiva f’Malta.

Illum f’nofsinhar ġie ffirmat ftehim bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Moviment Hospice għal din il-faċilità b’servizzi għal persuni b’mard terminali.

Fid-diskors tiegħu qabel l-iffirmar, l-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil-lajċi kollha talli qed jippromwovu l-kultura tal-ħajja li hija “affaċċjata minn dilemmi kbar u minn sfidi kbar, imma taf ukoll tgħix il-primat ta’ Alla fuq il-ħajja tal-bniedem”.

Kompla billi awgura li l-poplu Malti u Għawdxi jifhem il-bżonn ta’ dan is-servizz, u jifhem ukoll li għalkemm l-Arċidjoċesi qed toffri proprjetà ta’ €8 miljun, hemm bżonn miljuni oħrajn li l-Hospice u l-poplu Malti jridu jipprovdu biex anke s-servizz ikun “tal-aqwa kwalità”.

Insista li l-Hospice għandhom bżonn mhux biss l-appoġġ imma l-ammirazzjoni ta kulħadd għal dak kollu li jagħmlu bis-servizzi li joffru fil-komunità u issa wkoll bl-offerta ta’ servizz u esperjenza residenzjali li mhux biss fid-djar, imma anke f’dan l-ambjent.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif l-Arċisqof kien ħabbar li l-Knisja se tidentifika l-post ideali għat-twaqqif ta’ kumpless li b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjoni rreġistrata f’dan il-qasam, tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal pazjenti b’kundizzjonijiet mediċi serji.

B’riżultat tal-ftehim iffirmat illum fil-Kurja tal-Arċisqof, l-Arċidjoċesi se tagħti lill-Moviment Hospice art u bini f’Santa Venera li qabel kien magħruf bħala l-Istitut Adelaide Cini għal perjodu ta’ 50 sena.

L-ewwel pazjenti mistennija fl-2021 wara li jitlesta x-xogħol ta’ tisbiħ.

Il-valur tal-art u l-propjetà eżistenti, li jkopru medda ta’ art ta’ 9,000 metru kwadru fuq żewġ sulari u ta’ 6,800 metru kwadru ieħor ta’ ġonna, ekwivalenti għal tliet grawnds tal-futbol, huwa stmat li jiswa madwar €8 miljun.

Il-ftehim kien iffirmat minn Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv f’isem l-Arċisqof ta’ Malta, u minn Maria Gatt, iċ-Ċerpersin u Dr Vincent Zammit f’isem il-Moviment Hospice.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li x-xogħol infrastrutturali fuq il-bini eżistenti tal-Knisja huma skedati li jibdew meta jinkisbu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ix-xogħlijiet se jitwettqu fuq perjodu ta’ tliet snin li matulu l-Moviment Hospice se jiġbor il-fondi neċessarji għat-twaqqif u t-tmexxija ta’ dan il-proġett.

Ritratt: Kurja 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *