“Il-Gozo Channel għażlet kumpanija li nfetħet 5 ijiem ilu” – Virtu Ferries

Nicole  Borg

Il-Kumpanija Virtu Ferries uriet id-diżappunt tagħha għall-aħbar li l-Gozo Channel se tkun qed taħdem mal-Islands Ferry Network sabiex tipprovdi s-servizz tal-fast ferry. Dan filwaqt li sostnew li l-kumpanija ilha biss ħamest ijiem li nfetħet u se tkun immexxija minn persuni li m’għandhom l-ebda tip ta’ esperjenza fis-settur.

Ilbieraħ, il-Gozo Channel ħabbret li se tkun qed taħdem mal-kumpanija ta’ Magro Brothers Investments Ltd u Fortina Investments Ltd. Kumpanija li sostnew li ntagħżlet minn fost seba’ applikazzjonijiet oħra.

Il-Ġimgħa, l-Virtu Ferries ġiet mgħarrfa li s-sottomissjoni tagħha ma ġietx aċċettata.

Fi stqarrija Virtu Ferries spjegat li skont is-sejħa tal-Gozo Channel, il-kumpanija li se tkun qed topera l-fast ferry, kellha tissodisfa r-rekwiżit ta’ mill-inqas ħames snin ta’ servizz fis-settur u dħul ta’ €10 miljun. Sostnew li ntqal ukoll li hu neċessarju li l-kumpanija jkollha kemm l-esperjenza kif ukoll ir-riżorsi biex tissodisfa l-irwol.

Il-Virtu Ferries sostniet li l-għażla tal-Gozo Channel kienet waħda rresponsabbli. Staqsiet ukoll għalfejn il-Gozo Channel kellu bżonn jingħaqad ma’ kumpanija oħra biex jipprovdi servizz tat-tip, jekk mhux biex jissieħeb ma’ kumpanija li għandha reputazzjoni u servizzi tajbin u eżistenti.

Ritratt: Virtu Ferries Ltd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *