“L-emendi għal-liġi tal-embrijun se joħolqu orfni ġodda” – l-Isqfijiet

Christoph  Schwaiger

L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech esprimew it-tħassib tagħhom li l-emendi proposti mill-Gvern fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, se joħolqu orfni ġodda “bi pjan”.

Fi stqarrija, l-Isqfijiet sostnew li b’dawn l-emendi proposti se tispiċċa l-protezzjoni tad-dinjità tal-embrijun sa mill-bidu nett tal-ħajja umana, u l-assigurazzjoni li t-tarbija titwieled b’omm u b’missier. Żiedu jgħidu li jista’ jkun hemm tfal li qatt ma jkunu jafu min ikunu l-missier jew l-omm naturali tagħhom

Filwaqt li stqarrew li qraw l-emendi b’dispjaċir, l-Isqfijiet qalu li jista’ jkun hemm trabi mnissla mit-teknoloġija li qatt ma jaraw id-dawl, tort tal-bniedem. Dan qaluh b’referenza għall-embrijuni ffriżati li ma jiġux adottati għax ma jkun iridhom ħadd.


Skont Mons. Scicluna u Mons. Grech, it-tarbija se ssir oġġett biex jissodisfa x-xewqa ta’ ħaddieħor.

Qalu li diversi emendi proposti jmorru kontra l-għan prinċipali tal-liġi preżenti, li koppji f’relazzjoni stabbli jiġu assistiti biex ikun jista’ jkollhom tarbija.

Waqt li japprezzaw l-isforzi biex koppji li ma jistax ikollhom tfal “jingħataw għajnuna xierqa u f’waqtha”, l-Arċisqof Scicluna u l-Isqof Grech qalu li l-Maltin għandhom għożża għall-ulied u għall-ħajja sa mit-tnissil tagħha.

Temmew b’appell “lejn dawk li għandhom ir-responsabbiltà għal din il-liġi biex verament iħarsu l-ħajja u d-dinjità umana u ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa hawn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *