‘Il-Gvern għandu jiċċara l-pożizzjoni tiegħu’ – Il-PN

 

“In-nies għandhom ikunu jafu jekk hux veru li l-Gvern awtorizza kumpanija privata biex tħaddem impjant tal-kannabis qabel għandna liġi approvata mill-Parlament”

12

“In-nies jixirqilhom li jkunu jafu jekk hux veru li l-Gvern awtorizza kumpanija privata Awstraljana sabiex tħaddem impjant tal-kannabis mediċinali f’Malta fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru ta’ art pubblika mogħtija mill-Malta Enterprise. Dan wara li l-midja rrappurtat stqarrija ta’ din il-kumpanija li saret b’rabta ma’ talba għall-finanzjament fil-Borża tal-Awstralja.”

Il-PN qal dan fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Claudio Grech u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni Kristy Debono.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li kull letter of intent, liċenzja jew kull awtorizzazzjoni oħra dwar dan tista’ tinħareġ biss bis-saħħa ta’ liġi li għadha ma ġietx approvata mill-Parlament. Jekk l-istqarrija li għamlet il-kumpanija Awstraljana hija minnha, dan ikun ifisser li l-Gvern sfida l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, f’qasam li huwa sensittiv.

“Mingħajr dewmien, il-Gvern għandu jispjega jekk hux minnu li ħareġ letter of intent, ta xi kuntratt jew awtorizzazzjoni lil din il-kumpanija jew xi kumpaniji oħra biex issir attività marbuta mal-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediku”, temm jgħid il-PN.

Sadanittant, fi tweġiba mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudio Grech u Kristy Debono għal stqarrija maħruġa mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-kumpanija Awstraljana stqarret mal-Borża tal-Awstralja li ngħatat kuntratt mill-Gvern Malti.

Iżda anke kieku ngħatat biss ‘letter of intent’, kif qal il-Gvern, din ma setgħet qatt tingħata mingħajr ma l-Liġi tkun approvata għax il-ħruġ tal-‘letter of intent’ hu stipulat fil-Liġi nnifisha.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-verżjoni korretta hijiex dik tal-kumpanija Awstraljana jew tal-Gvern, li ħareġ ‘letter of intent’ qabel ma l-Parlament approva l-Liġi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *