Awtoritajiet tal-Gvern kontra applikazzjoni f’Tal-Wej

Kemm is-Superintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) u l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huma kontra li jinħareġ il-permess f’Tal-Wej biex titneħħa l-ħamrija. 

L-SCH saħqet li din il-proposta ta’ investigazzjoni arkeoloġika mhix neċessarja u se jkollha impatt negattiv fuq il-wirt kulturali, liema impatt mhux ġustifikat. Is-Superintendenza fakkret kif l-art tinsab f’żona klassi A ta’ importanza arkeoloġika.

Is-sit għandu fdalijiet ta’ wirt kulturali  sa minn żmien il-Bronż bħal cart-ruts, barriera antika, kappella tas-seklu 16 u giren.

Minn naħa tagħha, l-ERA, sostniet li l-art hija barra żona tal-iżvilupp u kwalunkwa xogħol li jsir se jibdel il-karatteristiċi ambjentali taż-żona.  L-ERA qalet li x-xogħol se jkun qed jaffettwa ħażin is-siġar maturi filwaqt li se jkompli jżid il-ħerba fuq ix-xagħri fil-viċin. 

L-ERA saħqet li għadu mhux ċar x’se jiġri ladarba jitlestew l-investigazzjonijiet. Hi fakkart ukoll li jekk din l-applikazzjoni tiġi approvata hemm ċans li tintuża bħala pretest għal iktar żvilupp f’żona barra ż-żona tal-iżvilupp. Dan l-ispazju miftuħ huwa l-uniku spazju bejn żewġ lokalitajiet li għandhom densità urbana kbira. 

F’Tal-Wej hemm għadajjar ta’ ilma ġiri li jgħejjex pjanti u insetti li jinsabu biss f’Malta. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Front Ħarsien ODZ talab lill-pubbliku jibgħat is-sottomissjonijiet tiegħu biex joġġezzjona għal dan l-iżvilupp. Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar hija l-aħħar ġurnata biex wieħed jista jagħmel dan.

Ritratt: Facebook

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *