Minn kunvent għal lukanda f’San Ġiljan

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-applikazzjoni biex bini skedat f’San Ġiljan jinbidel f’Boutique Hotel u appartamenti.

Il-binja hi magħrufa bħala ‘The Cloisters’ u magħha għandha ġnien u tinsab f’rokna fuq tliet toroq; Triq l-Imrabat, Triq is-Sorijiet u Triq Bonavia.

L-applikazzjoni PA/08523/17 tinkludi li jsiru xi alterazzjonijiet, restawr u li jinbena bini ġdid fuq din il-binja skedata.

Il-Boutique Hotel li se jkollha b’kollox 29 kamra. Il-partijiet li mhumiex skedati se jitwaqqgħu filwaqt li fuq in-naħa ta’ wara tal-binja se jkunu qed jibnew 24 appartament (bi 17-il appartament b’tlett ikmamar tas-sodda u sebgħa b’żewġt ikmamar tas-sodda) flimkien ma’ penthouse bi tliet ikmamar tas-sodda u żewġ maisonettes: wieħed b’żewġt ikmamar tas-sodda u ieħor bi tlieta. Taħt l-art se jibnew il-garaxxijiet li se joffru spazju għal 55 post ta’ parkeġġ.

Mill-basement sal-penthouse, l-iżvilupp se jkollu b’kollox 13-il livell.

Din l-Art Ħelwa oġġezzjonat għall-iżvilupp

Fl-oġġezzjoni tagħha, Din l-Art Ħelwa qalet li l-bini għandu valur minħabba l-ġnien li hemm miegħu. L-għaqda osservat kif l-iżvilupp propost mhux ħanin mal-propjetà skedata u l-ġnien.

Fl-oġġezzjoni tagħhom ukoll inkludew li jmur kontra l-iSPED. Din l-Art Ħelwa kkummentat kif l-iżvilupp propost huwa ‘out of scale’ mal-kumplament tal-bini fiż-żona.

Is-Sliema Heritage Society u l-Kunsill Lokali tas-Sliema talbu li jinżammu infurmati fuq l-iżvilupp.

Is-Superintendenza tal-Wirt Kulturali qalet li mhux se toġġezzjona sakemm l-iżvilupp isir skont il-linji gwida u politiki dwar żvilupp f’żona ta’ konservazzjoni urbana; jekk ir-restawr isir skont kif approvat; u li jkun hemm moniteraġġ arkeoloġiku waqt ix-xogħol ta’ eskavar.

Fil-Case Officer’s Report li rrakkomanda biex il-permess jinħareġ f’wieħed mid-diversi punti li semma, ma għandux ikun hemm taraġ jew rampi mibnija għal fuq il-bankina jew għal ġo triq.

Punt ieħor hu li l-ebda unit tal-arja kundizzjonata ma tkun fuq il-faċċata tal-bini li hi viżibbli mit-triq jew minn spazju pubbliku.

Ritratt: Sliema Heritage Society

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *