Kemm inbiegħet l-art taż-Żonqor? Gvern u Oppożizzjoni ma jaqblux fil-Parlament

Mill-Parlament

Waqt dibattitu fil-Parlament dwar mozzjoni biex l-art fiż-Żonqor tittieħed lura mingħand l-Università Amerikana, il-Prim Ministru u il-Kap tal-Oppożizzjoni kellhom interpetazzjonijiet differenti ħafna dwar il-prezz li għalih ingħatat l-art.

Id-dibattitu li sar fuq mozzjoni imressqa mill-Oppozizzjoni, infetaħ mill-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia li ddeskriva din l-Università bħala ‘faċċata’ għal progett ta’ spekulazzjoni fuq art mill-iprem b’veduta fuq il-baħar. Huwa ssostanzja dan billi qal li mill-wegħda ta’ 4,000 student li kienu qalu li se jġibu f’Malta il-grupp Sadeen, ġew biss 15. Huwa qal li kull paragun mal-Università ta’ Malta jista’ jintqies biss bħala insult. Sostna li l-art ingħatat b’anqas minn ħames ewro kull metru kwadru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-art inbiegħet għall-prezz ta €31 kull metru kwadru mhux kif qed jgħid il-Kap tal-Oppozizzjoni u sostna li l-medda tal-art li inbiegħet ma kienetx 90 tomna imma 31 tomna. Huwa qal li din l-art mhux se tintuża qabel mal-art f’Bormla tkun qed tintuża mija fil-mija.

Huwa akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien qed ikun razzist meta kkritika lill-investituri Sadeen Group sempliċiment minħabba li huma Ġordaniżi. Huwa qal li s’issa Sadeen investew €20 miljun biex jirriabilitaw Dock 1 f’ Bormla.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-AUM għaddiet minn għarbiel rigoruż li l-ebda istitutzzjoni edukattiva qatt ma għaddiet minnu. Huwa qal li l-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-prestiġju tal-pajjiz li, skond il-kelliem, sar destinazzjoni edukattiva. Bartolo qal li l-kundizzjonijiet fil-kuntratt tal-AUM jistipulaw li l-miri jridu jintlaħqu fuq medda ta’ 10 snin u mhux wara ftit xhur. Huwa qal li se jibqa’ jinsisti mal-AUM biex tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Chicago.

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li l-Gvern ta’ Muscat ftaħar li neħħa l-fabbrika tal-kanċer minn Delimara imma fl-istess ħin issa ser jeqred il-pulmun tas-South.

Il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera qal li ż-żona identifikata fiż-Żonqor kienet art mielħa u allura art abbandunata u ma hemm l-eko-sistema li ser tkun milquta minn dan il-proġett.

Il-kelliem tal-Oppozizzjoni Clyde Puli qal li l-Oppożizzjoni mhix kompliċi mal-qerda taż-Żonqor. Hu qal li miż-Żonqor, art verġni ser jifdal biss ir-ras taż-Żonqor tal-Gvern Laburista. Puli qal li Sadeen Group ma jifhmu xejn fl-edukazzjoni u l-interess tagħhom hu li jagħmlu kemxa flus minn fuq dahar il-poplu Malti għax dan mhux investiment serju.

Tkellmu ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius u d-deputati Robert Abela u Alex Muscat għan-naħa tal-Gvern u d-deputati Jason Azzopardi u Edwin Vassallo għan-naħa tal-Oppożizzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *