Pulizija u xufier ta’ Segretarju Parlamentari fi grupp li jikxef ir-roadblocks

Uffiċjal tal-Pulizija u xufier ta’ Segretarju Parlamentari kienu fost eluf ta’ membri ta’ paġna fuq Facebook, li kienet qed tgħin lis-sewwieqa jiżgiċċaw ir-roadblocks.

Il-paġna Malta Roadblocks ingħalqet ftit sigħat wara li Newsbook.com.mtkixef x’kien l-għan tagħha.

F’eżerċizzju li għamel Newsbook.com.mt irriżulta li l-pulizija fil-grupp ilu membru fil-Korp għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, u x-xufier huwa tas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

Madanakollu għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Korp tal-Pulizija ma weġibx jekk kienx hemm membri tal-Korp fiha jew x’azzjoni tista’ tittieħed.

Kelliema għall-Korp tal-Pulizija qalet biss li l-ippjanar tar-roadblocks isir mill-Ispetturi inkarigati mit-Taqsima tat-Traffiku u li l-pulizija jkunu jafu fejn se jkunu ftit tal-ħin qabel.

Kien għalhekk li l-Korp saħaq li min jikteb li jaf il-pattern jew l-implimentazzjoni tar-roadblocks, ikun biss qed ixerred avviżi foloz.

Wieħed mill-posts li tela’ fuq il-paġna kien iwissi lis-sewwieqa minn qabel fejn se jkunu r-roadblocks u jibda: “Roadblocks din il-ġimgħa, partikularment il-Ħadd filgħaxija” (lejlet l-ewwel tas-sena).

Dan jagħti x’jifhem li min ippubblikah kien jaf minn qabel fejn se jkunu qegħdin il-pulizija, aktar u aktar għax uħud mil-lokaltajiet jaqblu mal-postijiet li fihom kienu l-Pulizija fil-lejl tal-ewwel tas-sena.

Fir-risposta tiegħu, il-Korp ma rreferiex għall-fatt li l-membri tal-paġna kienu jippostjaw ukoll meta jiltaqgħu mar-roadblocks u għalhekk l-informazzjoni żgur ma kinitx falza.

Newsbook.com.mt talab ukoll għar-reazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, minħabba li s-Segretarjat Parlamentari inkwistjoni huwa parti mid-dekasteru tiegħu. Madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni kien għadu ma weġibx.

Wara li Newsbook.com.mt kixef l-għan ta’ din il-paġna, kienu ħafna dawk li rreaġixxew.

Kien hemm min offendiena għax kxifna paġna li kienet taqdih iżda kien hemm oħrajn li kkundannaw il-fatt li Malta Roadblocks kienet qed ixxekkel il-ħidma tal-Pulizija u żżid il-periklu fit-toroq.

Persuna partikolari kitbet: “Probabbilment dawn huma l-istess nies li ma jħallux lil uliedhom jimxu jew jirkbu rota għax it-toroq huma perikolużi, imbagħad ikunu huma stess qed joħolqu l-periklu.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *