“Il-bomba li jmiss se tkun fis-suttana tiegħek” – Ċileni lill-Papa

Vatikan – Ruma

Ftit jiem biss qabel il-Papa Franġisku jasal fiċ-Ċili ġew attakkati tliet knejjes u fihom ġew mitfugħa noti li fost affarijiet oħra jindirizzaw lill-Papa u jgħidulu li l-bomba li jmiss se tkun fis-suttana tiegħu.

L-isplużjonijiet f’dawn it-tliet knejjes fil-kapitali tal-pajjiż seħħew kmieni l-Ġimgħa filgħodu u splużjoni quddiem knisja oħra ġiet evitata.

Jidher li dimostranti marru viċin il-knejjes, waddbu l-isplussivi mal-bibien tagħhom u wara xerrdu karti b’messaġġ kontra ż-żjara tal-Papa.

Uħud minn dawn il-messaġġi staqsew kemm se tqum iż-żjara tal-Papa lill-pajjiż meta hemm ħafna nies foqra u bil-ġuħ.

Il-President tal-pajjiż, Michele Bachelet wriet it-tħassib tagħha għal dan l-inċident u qalet li huwa diffiċli li wieħed jidentifika grupp wieħed wara dawn l-attakki.

Uffiċjali tal-Gvern qalu li l-erba’ attakki għandhom is-similaritajiet tagħhom iżda ma jfissirx li huma marbuta. Fi kliem uffiċjal tal-Ministeru għall-Intern, Mahmud Aleuy, hemm ħafna gruppi li jaħdmu indipendentament minn xulxin.

S’issa l-ebda grupp għadu ma refa’ r-responabbilità tal-attakk.

Il-Papa Franġisku mistenni jasal fiċ-Ċili nhar it-Tnejn biex imbagħad fit-18 ta’ Jannar ikompli l-vjaġġ tiegħu fil-Peru.

Il-pajjiż kien ilu jipprepara u jieħu miżuri ta’ sigurtà għax kienu diġà qed jissemmew protesti għal matul iż-żjara tal-Papa Franġisku, ħafna minnhom minn gruppi li qed jipprotestaw għax jemmnu li l-Knisja setgħet indirizzat aħjar każijiet ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru.

Minkejja dan ma jidhirx li kienu qed jistennew atti vjolenti bħal dawk ta’ dalgħodu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *