Il-kappillan Dun Giovanni Andrea Falson u d-Devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl fin-Nadur

Luminaria Dicembru 2017.

Minn Daniel Meilak

Riċentament il-ħajja u ż-żminijiet li fihom għex ilkappillan tan-Nadur Dun Giovanni Andrea Falson ħarġu aktar fid-dawl minn riċerka li saret.

Hekk fil-ħarġa li għaddiet ġie ppubblikat it-testment tiegħu li għamel ftit sigħat biss qabel mewtu li ġrat nhar l-1 ta’ Mejju 1743.

F’dan l-istudju qasir ser nagħtu ħarsa lejn id-devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl li proprju bdiet fi żmienu u li allura hija devozzjoni li minkejja li llum intesiet

kważi għal kollox fil-parroċċa tan-Nadur, hija waħda milleqdem għax taf il-bidu tagħha fl-ewwel snin tal-parroċċa li twaqqfet fl-1688.

Id-devozzjoni – kif bdiet

Biex jinftiehem aħjar il-kuntest, hemm bżonn li l-ġrajja tinbeda minn Sqallija. It-tradizzjoni żżomm li ċertu wieħed Patri Ġiżwita Giovanni Antonio Genovesi kellu dehra.

Dan Genovesi kien twieled fl-1684 u allura nistgħu ngħidu li kien kontemporanju għall-kappillan Falson li twieled fl-1670.

Genovesi sar membru tal-Ġiżwiti fl-1702 u minn hemm qatta’ madwar għoxrin sena jdur ma’ Sqallija jagħmel ilmissjonijiet.

1 Kien devot ħafna tal-Verġni Marija u kull fejn kien imur kien jipprova jxerred id-devozzjoni u jitlob lill-Madonna biex tagħtih il-gwida f’ħajtu u fil-missjoni tiegħu.

Lejn tmiem ħajtu kien sar anke rettur tal-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Messina u superjur tan-novizzi. Iżda fl-1743, is-sena anke li fiha miet il-kappillan Falson, kienet faqqgħet il-pesta fi

Sqallija. Patri Genovesi miet b’din il-marda epidemika u qerrieda li kienet endemika fl-Ewropa nhar is-6 ta’ Lulju 1743, ftit aktar minn xahrejn wara Falson.

Iżda l-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl tmur lura lejn is-sena 1722. Patri Genovesi kellu xewqa kbira li jkollu dehra mill-Madonna, li tagħha kien devot ħafna.

Hu kien jixtieq li jagħmel pittura tagħha kif inhi fil-verità, wara li jkun raha hu stess u dan biex iġorrha miegħu filmissjonijiet li kien qed jagħmel madwar Sqallija.

Kellem lil waħda mara li kellha fama li tidhrilha l-Madonna u talabha tgħinu. It-tradizzjoni tgħid li l-Madonna tat l-istruzzjonijiet lil din il-mara ta’ kif kellha tkun il-pittura.

Din id-dehra lil mara saret fil-knisja ta’ San Stanislao al Noviziato.

Il-Verġni Marija dehret f’dija glorjuża, imdawra b’xi anġli u liebsa kuruna u ġawhar prezzjuż. Kellha mantar blu waqt li fl-id ix-xellugija kellha lil bambin Ġesù. Bl-id il-leminija kienet

qed terfa’ ruħ midinba ħalli ma taqax f’bibien l-infern. Ġesù jiġbor qalb minn ġewlaq miżmum minn anġlu mimli qlub li jfissru erwieħ. Il-Madonna indikat espliċitament li

kellha tissejjaħ bħala l-Madonna tad-Dawl.

Il-mara kkomunikat dawn id-dettalji lil Patri Genovese li min-naħa tiegħu mar għand pittur u kkummissjonalu l-pittura skont ma kienet qalet il-Madonna.

Iżda meta kienet lesta ma għoġbitu xejn. Reġa’ qallu jpittirha mill ġdid.

Iżda lanqas din id-darba ma kienet tilħaq dak li kellu f’moħħu Genovese. Għat-tielet darba ġiet impittra u finalment issodisfat dak li kellu f’moħħu l-patri.

Genovese beda jġorr din il-pittura miegħu fil-missjonijiet li kien jagħmel madwar Sqallija. Il-komunitajiet li kienu jafu li se jżurhom Patri Genovese kienu jħejju artal minn

qabel sabiex jesponu dil-pittura u b’hekk id-devozzjoni bdiet tinxtered ġmielha fil-gżira. Fl-1736 ġewwa Noviziato al Capo twaqqfet fratellanza bl-isem ta’ Konfraternità tal-

Madonna tad-Dawl ta’ Noviziato.

Saħansitra anke l-Papa Klement XII f’Ruma sar konvint minn din id-devozzjoni u nhar is-6 ta’ Frar 1736 ħareġ ittra appostolika li biha awtorizza din id-devozzjoni lejn Marija, taħt it-titlu tad-

Dawl. Il-festa lejha ġiet stabbilita fit-tieni Ħadd ta’ Ottubru u ta indulġenza plenarja lil dawk kollha li jipparteċipaw filquddiesa nhar din il-festa. Fil-kuntest ta’ din id-devozzjoni li

ġiet approvata fl-1736, sena biss wara fl-1737 l-istess Papa ħareġ In Eminenti Apostolatus Specula li biha ipprojbixxa lil kull Kattoliku milli jsir membru tal-Mażunerija. It-tema taddawl

toħroġ hawn ukoll. Il-Papa kien argumenta li jekk dawn is-soċjetajiet massoniċi ma huma qed jagħmlu xejn ħażin, ma kien ikollhom ebda raġuni għalfejn ‘jobgħodu d-dawl.’

Dan minħabba li dawn huma soċjetajiet sigrieta ħafna u l-għemejjel tagħhom jinżammu mistura. Fi ftit kliem, matul dawn is-sentejn il-Papa kien approva festa tal-Madonna tad-

Dawl u ipprojbixxa lill-Kattoliċi milli jissieħbu f’soċjetajiet sigrieti li ma joħorġux għad-dieher, għad-dawl.2

Id-devozzjoni tal-Madonna tad-Dawl tinxtered

Minn Sqallija, id-devozzjoni bdiet tinxtered f’postijiet differenti madwar id-dinja. Hekk insibu li fl-1727 il Ġiżwiti ntroduċewha f’Cainta fil-Filippini, imbagħad fil-

Messiku fl-1732. Ma jistax jonqos lanqas li f’Malta din id-devozzjoni daħlet malajr ukoll minħabba l-prossimità ġeografika, kulturali u ekonomika tal-gżejjer ma’ Sqallija.

Ma nafux eżattament meta daħlet din id-devozzjoni f’Malta u Għawdex iżda nsibu ħjiel li din kienet diġà preżenti f’Għawdex lejn l-1730.

Giovanni Francesco Agius de Soldanis jikteb li kienet saret Missjoni f’Għawdex, u li ġiet afdata f’idejn il-Ġiżwiti u jidher li d-devozzjoni xterdet lejn dan iż-żmien. Fl-1730 kienet inbniet kappella

ċkejkna, li tiġi qrib il-knisja parrokkjali, illum Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, u ġiet iddedikata lill-Madonna tad- Dawl u San Ġużepp.

Fl-1 ta’ Ottubru 1731 sar att għand in-nutar Giovanni Francesco Debono li permezz tiegħu Basilio Grima ħalla l-mezzi biex issirilha festa ta’ kull sena.3

F’din il-kappella kienet saret pittura tal-Madonna tad-Dawl, eżattament bl-istess tip ta’ ikonografija kif saret dik orġiniali ta’ Palermo, jiġifieri l-Madonna wieqfa fuq is-sħab

bil-bambin Ġesù f’idha tax-xellug li qed jaqbad il-qlub li jfissru l-erwieħ biex isalvahom, waqt li l-Madonna qed taqbad id żagħżugħ biex issalvah mit-telfien. Iżda hemm

ukoll iż-żieda ta’ San Ġużepp minħabba d-dedikazzjoni u d-Devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl fin-Nadur tal-kappella. Għalkemm nafu li l-kappella kienet mibnija

fl-1730 u d-devozzjoni żgur kienet preżenti fl-1731, ma nafux meta saret din il-pittura. Mark Sagona jistqarr li jista’ wieħed jassumi li din saret f’dan iż-żmien ukoll. Il-pittura

hija attribwita lil Giovanni Nicola Buhagiar, wieħed millartisti protagonisti ta’ Malta f’dik l-epoka.4

Imbagħad fl-1736, l-Isqof Alpherano de Bussan kien ried li tinbena kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl f’Ħaż Żebbuġ, Malta. Jidher li ma tantx damu ż-Żebbuġin ma

bnewha għax din tissemma fil-Viżta Pastorali li saret fl-1745. Il-pittura tal-Madonna tad-Dawl ma nafux meta saret jew minn min tpittret.5 Kappella oħra f’Malta ddedikata lill-Madonna tad-Dawl tinsab fl-inħawi tal-Bidni qrib Marsaskala. Oriġinarjament din kienet iddedikata lil

San Ġwann Battista, iżda meta din għaddiet taħt il-kura tal-ispiżjar Giovanni Antonio Mallia, dan waħħal kwadru tal-Madonna tad-Dawl fl-1737 biex ikompli jxerred din iddevozzjoni.6

Sena wara, jiġifieri fl-1738, fil-knisja parrokjali tan-Naxxar saret pittura wkoll tal-Madonna tad-Dawl, attribwita lil Giovanni Nicola Buhagiar.7

Fl-1681 inbniet kappella lil Santu Rokku fl-Imdina, iżda aktar tard żdiet sotto-kwadru tal-Madonna tad-Dawl biex finalment ilkappella ħadet dan l-isem.8

Pittura oħra ta’ dan il-perjodu tinsab fil-kappella tal-Madonna tal-Providenza fis- Siġġiewi.9

Aktar tard saret pittura oħra fil-knisja parrokkjali ta’ Sannat Għawdex li kienet lesta żgur qabel l-1760.

Tidħol fin-Nadur fi snin bikrija

L-evidenza turi li fl-1730ijiet id-devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl bdiet tinfirex ġmielha madwar Malta u Għawdex.

Hawn jidħol il-kappillan tan-Nadur Don Giovanni Andrea Falson. Kien sar kappillan fl-1708. Wara l-ħidma wkoll talkappillani Don Bernardo Haber u u Don Ignatio Hagius,

Falson ħadem u stinka għal kważi 35 sena biex itejjeb ilqagħda tal-parroċċa fdata lilu, fosthom kompla l-bini talknisja parrokkjali u żejjinha b’opri tal-arti, għamel qanpiena

ġdida, xtara orgni, u fi żmienu bdiet ukoll tiġi ċċelebrata l-Imnarja fin-Nadur fuq livell aktar mifrux, fosthom fil-Buskett u bit-tiġrijiet. Ħadem biex il-familji jkollhom il-ħobż

ta’ kuljum u fdalhom artijiet tal-parroċċa biex jaħdmuhom, kif ukoll ra kif għamel u ġab permess biex jgħallem l-iskola lit-tfal tan-Nadur.10 Iżda minkejja tant affarijiet li għamel,

ta’ interess hawn huwa kif kien matul żmienu li daħlet din id-devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl, proprju ftit biss tas-snin wara d-dehra u fiż-żmien meta kien għadu ħaj

Patri Genovesi nnifsu.

Fuq l-artal tal-Immakulata Kunċizzjoni lejn l-1736 sar sotto-kwadru (jiġifieri mhux il-kwadru prinċipali) li juri l-Madonna tad-Dawl bilwieqfa fuq is-sħab qed taħfen

id ta’ żagħżugħ biex issalvah mit-telfien waqt li b’idha x-xellugija qed iżżomm lill-Bambin Ġesù li qed jieħu l-qlub minn kannestru miżmum minn anġlu.11 Il-qlub ifissru

kollha erwieħ li qed jiġu salvati. Fin-naħa ta’ isfel kif ukoll fuq hemm diversi anġli b’dawn tal-aħħar qed jinkurunaw lill-Madonna bi stellarju ta’ tnax-il kewkba. Fuq taħt nett

hemm l-iskrizzjoni bit-Taljan: ‘La Madre Santissima del Lvm’, li tfisser ‘L-Omm Santissma tad-Dawl.’ Stilistikament din il-pittura toqrob ħafna lejn l-istil ta’ Giovanni Nicola

Buhagiar, li huwa attribwit li pitter ukoll il-kwadri ta’ San Ġorġ u tan-Naxxar. Tajjeb li jiġi nnutat li l-1736 kienet ukoll is-sena li fiha l-Papa Klement XII ħareġ l-Ittra Appostolika li

fiha awtorizza din id-devozzjoni.

Jidher li Falson kien devot sew tal-Madonna tad-Dawl, tant li fit-testment tiegħu, meta jiġi biex iħalli xi ġid għal dan l-artal, flok jirreferi għalih bħala l-artal tal-Kunċizzjoni,

kif fil-fatt kien, huwa jirreferi għalih bħala l-artal ‘tal-Imqaddsa Verġni Marija tad-Dawl.’12 Hu kien ħalla biċċa art fil-Qala biex mir-renti tagħha jitħallsu 25 skud li kien fadal dejn fuq

il-qanpiena u meta dawn jitħallsu, din l-art kellha tinbiegħ mill-werrieta universali u l-qligħ minnha jinqasam f’erba’, li sehem minnhom kellu jmur għal dan l-artal.13

Il-pittura kienet tqiegħdet fl-ewwel knisja parrokkjali li beda jibni Haber u spiċċa Falson. Iżda meta nbniet il-knisja parrokkjali tal-lum fi żmien il-kappillan Dun Salvatore

Galea u Dun Francesco Sapiano bejn l-1760 u l-1804, dan il-kwadru kien reġa’ sab postu mill-ġdid fuq l-artal tal-Kunċizzjoni. Fl-1822 bħala prokuratur tagħha kien hemm

Pietro Paolo Tabone.14

Iżda mal-mixja taż-żmien din id-devozzjoni mietet u l-kwadru kien tneħħa mill-knisja. Illum dan jinsab fit-taraġ li jagħti għall-Awla Kapitulari fis-sagristija tat-Tramuntana u

qed issirlu ħafna ħsara, għax apparti li t-tila ġiet imwaħħla bil-kolla ma’ njama, jinsab ukoll vulnerabbli li jintlaqat kull

darba li jinġarru affarijiet ‘il fuq u ‘l isfel. Bħala wieħed millkwadri tal-bidu ta’ din id-devozzjoni f’Malta u Għawdex, dan il-kwadru jistħoqqlu li jkun irrestawrat u kkonservat

f’post xieraq u sikur.

1 Dawn il-missjonijiet kienu jkunu żjajjar li patrijiet Ġiżwiti jagħmlu f’xi raħal jew belt partikulari li fihom jagħmlu ħafna prietki u jkunu ta’ servizz spiritwali għall-insara.

2 Għal aktar tagħrif dwar id-devozzjoni lejn il-Madonna tad-Dawl ara: Giovanni Tesè, La Madre Santissima del Lume. Tra Fede, Storia, Arte e

Leggende (Tabula Fati, Italia 2012).

3 Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis, Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu, Ġużepp Farrugia trad., vol. 2, (Stamperija tal-Gvern, 1953), 52.

4 Mark Sagona, ‘The Art Treasures. A Critical Overview,’ f’St George. Gozo’ Golden Basilica, Charles Cini ed., (Salesians Don Bosco, Malta, 2011), 50. Ara

wkoll in-nota 33 li tikkorrispondi f’paġna 110.

5 http://www.kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett04/ZBG_Mad_tad-Dawl/ zbg_mad_tad-dawl.html (aċċessat 1 ta’ Novembru 2017)

6 http://www.kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett13/MSK_M_tad-Dawl_tal-

Bidni/msk_m_tad-dawl_tal-bidni.html (aċċessat 1 ta’ Novembru 2017)

7 http://www.bambinanaxxar.org/2010/03/final.html (aċċessat 1 ta’ Novembru 2017)

8 http://thechurchinmalta.org/mt/posts/617/mdina (aċċessat 1 ta’ Novembru 2017)

9 http://www.kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett01/SGW_Tal-Providenza/ sgw_tal-providenza.html (aċċessat 10 ta’ Novembru 2017)

10 Għal aktar tagħrif aġġornat dwar il-kappillan Falson ara Daniel Meilak, ‘Il-

Kappillan Don Giovanni Andrea Falson. L-Aħħar Att. Dawl Fuq Ħajtu u fuq

il-Parroċċa mit-Testment Tiegħu li Nstab Riċentament,’ f’Luminaria, Ġunju

2017, no. 126, 38-44.

Daniel Meilak, ‘Wrapping up a Zealous Life. The Discovery of an Eighteenth Century Parish Priest’s Will,’ f’The Gozo Observer, 36 (Summer 2017), 36-41.

11 Alexander Bonnici, In-Nadur. Ġrajjiet Kolleġġjata u Bażilika Mxebilkin filĦajja Soċjali ta’ Għawdex, vol. 1 (Reliġjon u Ħajja, Malta, 1984), 193.

12 Testamentum Reverendi Domini Joannes Andreas Falzon, Arkivji Notarili Valletta [ANV], Antonio Madlane, R323, vol. 24, f.133v.

13 Ibid.

14 Bonnici, 344.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *