Mir-Rakkonti ta’ Ġuzepp Grech ta’ Żbalju

Luminaria Dicembru, 2017

Gusepp Grech

Fl-14 ta’ Jannar 2017 is-Sur Ġużepp Grech ta’ 85 sena, bil-laqam Ta’ Żbalju, laqagħni fid-dar tiegħu fi Triq il-Mitħna l-Qadima n-Nadur sabiex ngħidu erba’ kelmiet fuq l-imgħoddi. Filwaqt li se nipprova nżomm l-istess kliem li uża’ huwa stess, naraw x’kellu xi jgħidilna. “Darba minnhom (is-sena 1942) xħin spiċċat is-sena (taliskola) u erġajnamorna għaltal-aħħar ngħidulha aħna, kien hemm Dun Marċell, teacher li kien joqgħod hemmhekk fejn l-iskola stess. Konna jien, Pietru ta’ Firfirellu, Ġużepp ta’ Krewett, Pawlu tal-Ġidi, Pawlu ta’ Bilò, Toni ta’ Brejnit, kollha tampari, u nsomma xħin morna l-iskola bagħatna lura.

Ritratt tal-1944 fuq id-dgħajsa tal-pass “Sant’ Antonio” ta’ Gelluxa.

Ġużepp, ta’ tnax-il sena hu dak li qed jgħatti x-xemx b’idejh. Missieru,

Salvu, il-Kaptan tad-dgħajsa qiegħed bilwieqfa liebes bajdani. Ritratt ħajr lil Ġużepp Grech.

Ħeqq u aħna erġajna lejn id-dar, ta’ tfal li konna hux. Xi għaxar snin kelli mingħalija jien.” “Lil ommi għidtilha bagħatna ’l barra.

Qaltli bagħatkom ’il barra x’jiġifieri? Qaltli imxi imxi. U morna l-iskola nsomma. Ħeqq u Dun Marċell qalilha Marija m’għandniex wisa’ għalihom għax daħlu tfal ġodda, imbagħad naraw. U tlaqna ’l barra, ħeqq xi trid tagħmel!” “Imbagħad ġejt id-dar hux, nilgħab u niġru ’l hawn u ’l hinn, ta’ tfal li konna. Wara, ma nafx kemm kien għadda żmien, missieri lil ommi qalilha t-tifel ħa tħallih hekk ma jagħmel xejn? Issa n-nannu tiegħi kien skarpan hemm fuq fejn il-ħanut ta’ Pulitu. Kien jismu Ġużepp u jgħidulu ta’ Żbalju, għax jien għalih imsemmi. Ommi qaltli mur fejn innannu hemm fuq u oqgħod miegħu forsi titgħallem xi ħaġa hemmhekk. U taf int, għall-ewwel toqgħod bilqiegħda hekk u kultantikellimni naqra n-nannu u z-ziju, Toni. Daqqa jgħidli agħmel hekk, u daqqa jgħidli ara din kif tagħmilha. Kienu jagħmlu dawn il-qrieq, l-antiki, b’xi biċċa tyre tal-karozzi.” “U jien insomma, forsi għaddiet sena, sena u nofs, linnannu għidtlu xbajt ta. Dejjem bilqiegħda! Lil ommi nagħmlilha xbajt. U ommi tgħidli oqgħod hemmhekk, fejn trid tmur ibni, fejn trid tmur? Għadek żgħir! Darba missieri telgħulu! Qalli k’ma tmurx għand in-nannu nqajmek flerbgħa ta’ filgħodu biex tinżel miegħi lejn ix-Xatt! Missieri kien Kaptan bid-dgħajsa tal-pass ta’ Gelluxa, fejn kien hemm baħrin min-Nadur u minn Għajnsielem insomma, kienu sebgħa jew tmienja. U darba u tnejn u tlieta, missieri qalli ħa tmur? Għidtlu m’iniex se mmur! Qalli mela għada ħa nqajmek miegħi!” “Missieri ġie filgħodu u qalli qum minn hemm! Kien jeħodni daqsxejn bl-herra, sforz id-dixxiplina. Inżilna lejn ix-Xatt (l-Imġarr) bil-mixi u morna fuq id-dgħajsa. U bqajt magħhom imbagħad. Għadda ftit taż-żmien, kienu għaddew naħseb xi tliet snin. Missieri kien iħallini nsuqha d-dgħajsa, u kien iħallini nittrakka mal-moll. Kont nagħmel is-sinjali lill-inġinier biex jaqdef u jsija (’il quddiem u lura), għax hu kien ikun isfel ġo toqba fejn il-magna.” “Id-dgħajsa tal-pass ta’ Gelluxa kellha n-numru 45 u kien jisimha Sant’ Anton. Fuqha konna nkunu missieri Salvu l-Kaptan, jien, kien hemm Grezzju minn Għajnsielem, Toni Grech u Ġużepp ta’ Ħanxargħajn min-Nadur u oħrajn. Missieri kienu jgħidulu Salvu ż-Żgħir, għax kien hemm ukoll ieħor jismu Salvu Grech, li kien jiġisekonda kuġin ma’ missieri, u li kienu jsibuh Salvu l-Kbir. Il-laqam ta’ Żbalju ġej min-naħa t’ommi. Imbagħad wara din l-esperjenza, bdejt insiefer”. Meta beda jsieferfuq il-baħar, Ġużepp qalli, “Jien kont malMaria Dacoutros u anki mal-Anton Dacoutros(dawn kienu żewġ skejjen tal-qlugħ iġorru l-inbid) u għamilt naħseb xi tlietsnin magħhom. Jien mingħalija sifirt l-ewwel darba fit48 (1948) mal-Maria Dacoutros. U biex mort tlajna kemmTA’ ŻBALJU Ritratt tal-1944 fuq id-dgħajsa tal-pass “Sant’ Antonio” ta’ Gelluxa. Ġużepp, ta’ tnax-il sena hu dak li qed jgħatti x-xemx b’idejh. Missieru, Salvu, il-Kaptan tad-dgħajsa qiegħed bilwieqfa liebes bajdani. Ritratt ħajr lil Ġużepp Grech. LUMINARIA DICEMBRU 27 2017 Storja, Kultura u Attwalità il darba l-palazz tal-Belt ma’ missieri, biex jagħmilli tajjeb għall-passaport, għax ma kellix passaport. U għamluli biċċa karta bit-timbru u missieri jgħidli titlifhiex u agħtiha lill-Kaptan.” “L-ewwel darba mal-Maria Dacoutros morna f’port jismu Kalamata (fil-Greċja). U jien nagħmel, imma fejn sejrin, kemm ħa ndumu sejrin? Għamilna tmint ijiem sejrin, bilqlugħ u bil-mutur żgħir li kellha. Meta kien ikun baħar abjad (kalm ħafna) konna nagħmlu tliet mili fis-siegħa. Niftakar kont naqbad il-kaxxi tas-sulfarini u nitfa’ waħda mill-pruwa, nimxi magħha sal-poppa u tkun għadha m’għaddietx! Kont ngħid bil-mixi sejrin!”. “Kien hemm ħafna baħrin minn hawn fuq (min-Nadur) – Pawlu tad-Dikka, kien hemm il-Barbaġann, Anġlu taż- Żibġi, Toni taċ-Ċimċem, Frenċu tal-Iskiter, Ġużepp ta’ Ġejġa, insomma l-biċċa l-kbira kollha minn hawn fuq kienu jkunu. Il-Kaptan kien Taljan, kien jismu Cannavò (kunjomu) u meta morna mal-Anton Dacoutros il-Kaptan Ciccio Bombara kien jismu, wieħed naqra rqiq. Abbord konna nkunu tmienja żgur.”

Ġużepp biċċinetta tonda (beritta) ta’ 16-il sena fuq it-tmun tal-Maria

Dacoutros. Ritratt ħajr lil Ġużepp Grech. Meħud fit-8 ta’ Settembru 1948.

“Insomma u ngħid fejn sejrin? U dejjem inħares biex nara narax xi art xi mkien. Fl-aħħar dehret l-art, imma domna ma nafx kemm-il siegħa ta sakemm wasalna l-art. Xħin wasalna hemmhekk hemm golfata kbira jgħidulha (bħal daħla kbira), għamilna aktar minn nofs ta’ nhar deħlin ’il ġewwa.” “Darba konna ġejjin (lejn Malta), m’għandix idea x’sena kienet, u qabditna maltempata kbira bil-Grigal, il-baħar farrakna. Tant kemm kien qawwi li l-ilma beda tiela’ ġo fina. Kellna xi 55 tanbur inbid fuq il-gverta (fuq barra), kienu jkunu żejda u marbutin u magħluqin bl-injam magħhom u travi biex ma jitħarrkux. Kellna nkissru ħafna minnhom, biex innaqqsu l-piż. Bdejna ntuhom fuq iċ-ċirku tagħhom tal-ħadid bil-mazza u l-inbid ħiereġ u aħna s’hawn ġol-ilma (sal-qadd). L-ilma l-ħin kollu jitla’ fuqna minn wara!” Hawn Ġużepp qalli li l-Maria Dacoutros kienet tqila – sakemm kienet tniżżel rasha ġol-ilma ċ-ċaqliq kien qed jilħaq jitla’ mill-poppa, apparti li kienet tagħmel ħafna ilma mill-ġnub. “Imbagħad konna dħalna Sirakuża wara xi jumejn, u lanqas konna se nkomplu ġejjin biha ’l hawn (lejn Malta) għax ilKaptan qata’ qalbu. Konna l-ħin kollu nippompjaw l-ilma b’idejna (ineħħu l-ilma li kien daħal ġewwa bil-pompa talidejn). Imbagħad ġie wieħed mil-padrunipadruni (sidien) ta’ Dacoutros, kien jismu s-Sur Anton, qalilna intom kollha sewwa? Għidnielu aħna s’issa niżżu ħajr ’l Alla kollox sewwa. Qalilna issa oqogħdu kemm tridu hawn imma biss wasslulna l-bastiment lura Malta. Baqa’ pass ieħor, ikun bnazzi u ejjew lejn Malta. Imbagħad hekk għamilna. U meta wasalna Malta lilna bagħatna mill-ewwel fuq l-Anton Dacoutros. Lilha daħħluha xi mkien ta’ Ċejlu (daħla fil-Port il-Kbir, lejn il-Marsa) u qagħdu jsewwuha naqra fid-dock.” Ġużepp kompla jgħidli kif fi grigalata oħra abbord l-Anton Dacoutros, filwaqt li ġejjin minn Candia, illum Heraklion fil-gżira ta’ Kreta, isibu l-Port il-Kbir magħluq minħabba l-maltemp. Ma kellhomx permess biex jidħlu. Għalhekk, kellhom ifittxu l-kenn fuq in-naħa l-oħra ta’ Malta u Għawdex, sabiex il-Grigal ma jaħkimhomx. “Il-Bosun kien Anġlu Xuereb, in-nannu ta’ Dun Karm talAbjad, kienu jgħidulu l-Brunus. Dak kien Bosun magħna wkoll mal-Banċinu. U l-Kaptan (tal-Anton Dacoutros) ma riedx jgħaddi minn hawn, minn bejn Malta u Għawdex.” Ġużepp qalli li Anġlu tkellem mal-Kaptan dwar minn fejn ser jgħaddu imma l-Kaptan qallu, “niddejjaq ngħaddi. U nsomma bqajna neżlin ’l isfel miegħu (mar-riħ biex iduru man-naħa ta’ fuq t’Għawdex). Tajnieha ftit qlugħ, għaddejna minn wara (minn wara Għawdex), u minn hemmhekk, minn kap Bombarda (fejn ix-Xlendi) għal fejn Filfla biex naqbdu l-irdoss domna tlett ijiem! ’L isfel u ’l fuq (jimxu ftit ’il quddiem u r-riħ jerġa’ jwaqqagħhom lura), il-magna dejjem tagħti qisha għal xejn, m’hemmx saħħa. Kull darba nitilgħu nibdlu l-qlugħ, billejl u binhar, tlett ijiem sħaħ!” “Imbagħad dħalna fejn Għajn Tuffieħa, tfajna l-ankri. Kien għaddej ħafna imbullatur.” Ġużepp qalli kif kultant l-ankri kienu jagħtu l-iskossi bil-piż li kellhom fuqhom. “Ir-riħ kien ġej minn fuq il-Qammieħ għal ġo wiċċna.” F’daqqa waħda “ħarġet il-katina ta’ ankra minnhom, kollha! Kellha pjanċa Ġużepp biċ-ċinetta tonda (beritta) ta’ 16-il sena fuq it-tmun tal-Maria Dacoutros. Ritratt ħajr lil Ġużepp Grech. Meħud fit-8 ta’ Settembru 1948. 28 DICEMBRU 2017 Storja, Kultura u Attwalità mwaħħla mal-aħħar ħolqa tal-katina, inqalgħet minn taħt, telgħet ġol-kubija (kubija hija bħal ċirku tal-ħadid imwaħħla fuq il-gverta tal-bastiment sabiex iċ-ċimi jew ktajjen li jorbtu l-vapur jgħaddu minn ġo fiha), u ħarġet il-kubija bil-pjanċa b’kollox il-baħar!” “Imbagħad il-Kaptan qabbadna naqtgħu l-ankra li kien baqa’ għax qal li ħa tagħmel bħalha, billi ġejna fuq ankra waħda. Issegajnieha, inqatgħet u ħallejnieha hemm (filbaħar). Imbagħad tlaqna minn hemmhekk bil-mod malart l-art u ġejna qagħadna Taħt il-Mazz, taħt it-Torri ta’ Kemmuna. U tfajna l-ankra jgħidulha ‘tal-isperanza’ għadni niftakar.” Ġużepp qalli li kienet “l-ankra spare. Għax bitTaljan bl-isperanza, bit-tama li ssalvak. Kienet tkun ġewwa mal-ġenb u jkollha ħabel oħxon marbut magħha u titfa’ lilha. Dik ġie li jużawha minn wara, mill-poppa. Imbagħad dik b’idejk trid ittellagħha wkoll ta! Il-winch (makkinarju li jintuża għall-ġbid taċ-ċimi u l-ankri) kien bl-idejn! Tnejn min-nies, wieħed kull naħa! Ġie li maċ-ċaqliqa jieħdok lura, iridu jiġu jgħinuk biex iddawru! U ieħor fil-brejk biex taparsi k’jinqala’ xi ħaġa jżomm il-brejk mill-ewwel għax inkella jtik xi daqqa joqtlok!” Tbatija kbira! “Insomma qagħadna hawnhekk, imbagħad spara r-riħ fuq u minn Taħt il-Mazz, ħriġna naqra ’l barra u tlaqna minn quddiem il-Marfa għall-Port il-Kbir. Imbagħad xħin dħalna hemmhekk Ġanni l-Grieg (ta’ Dacoutros, is-sid) beda jagħti kemm jiflaħ bil-bastun (isabbat il-bastun malart) xħin ra dik il-fetħa tal-pruwa (il-ħsara li saret xħin tilfu l-ankri)! Anzi kienet qiegħda ’l fuq mill-ilma, għax kieku daħal l-ilma! Lili niżżluni bil-bosun’s chair (injama armata apposta bil-ħbula biex baħri jpoġġi fuqha b’tali mod li jista’ jiddendel biha u jagħmel xogħol neċessarju) biex għamilt inċirata mat-toqba u tawni biċċtejn injama u sammartha naqra biex taparsi k’jiġi ċ-ċaqliq ma jidħolx ħafna, jidħol ftit ilma. Kollox ta’ kafkaf imma ħeqq tagħmel li jgħidulek hu!” “U Ġanni l-Grieg lill-Kaptan beda jgħidlu (filwaqt li jsabbat il-bastun) dawk l-ankri trid tmur iġġibhom! Dawk l-ankri trid tmur iġġibhom! Ma niftakarx x’kienu għamlu jien!” Lil Ġużepp imbagħad staqsejtu jekk il-qlugħ kellhomx ismijiet partikolari, jiġifieri jekk kull qala’ kellhiex xi isem skontil-pożizzjoni u l-funzjonitagħha. Hu qalli, “kien hemm il-gabji mingħalija. Ir-randi, dawk it-twal – għandek l-arblu u titla’ waħda biss hekk kbira. Imma nsejt ta, kultant jiġi daqsxejn ħsieb imma nsejt bħalissa. Il-Maria kellha tlieta (arbli) – ġie li konna narmawhomlha t-tlieta ta! Il-flokkijiet, is-sekonda jew it-terza, gabja u ta’ quddiem flokkijiet dawk ukoll, kellha tlieta oħra quddiem (dawn kollha ismjiet ta’ qlugħ differenti). Konna ntellgħuhom wieħed wieħed. Hi xħin tkun bil-qlugħ sabiħa! Kienet tagħmel bejn tmienja w għaxra (mili tal-baħar fis-siegħa) meta jkun riħ sewwa. Ittiha dak il-qlugħ kollu jew! Titmejjel hekk għall-ġenb, avolja kien bastiment naqra kbir. Erba’ mitt tunellata kienet iġġib ta!” “Erba’ mitt tunellata kienet it-tagħbija tagħha, inbid biss ta! U aħna dejjem fis-sakra – għax bir-riħa wkoll tisker! Għax xi daqsxejn dejjem jixxerred u ġo fiha, ġol-bastiment, kollox jiġi porporina ngħidlu jien, għax bir-riħa jiġi kollox ileqq (kull fejn tmiss bil-lega tal-inbid).” “Konna nixorbu wkoll ta! Kien hemm wieħed magħna kien kok, Tonital-Parsotta. Dak kien jaf bil-Grieg tal-għaġeb. Dak kien ikollu fliexken tal-ħaġra ngħidulhom, kien jesa’ seba’ fliexken bħalma huma tal-whisky illum – konna nixorbuh jien u hu (il-flixkun tal-ħaġra)! Kien iġib il-klamari u s-siċċ hekk naqluhom u nieklu u nixorbu, nieklu u nixorbu. Niftakar kok ieħor qabel dan Toni, kien Salvu tad-Dobra, min-Nadur ukoll.” “Imbagħad konna nitgħallmu xi daqsxejn bil-Grieg hemm. Dak kien jiġi tifel, kien jiekol magħna u hekk, u billi kont tfal kont naqbad miegħu jien. U kien jagħmilli Aradomure, aradomure, aradomure! Jiġifieri ejja, ejja! Pamos tospizi, pamos tospizi! Jagħmilli imxi mmorru d-dar, u kien jeħodni d-dar tiegħu. Kien jismu Ġorġ. Nagħmillu Giorgio perkì jiġifieri ejja ’l hawn Ġorġ, ejja ’l hawn!” Lil Ġużepp staqsejtu dwar kabini. “Ma kellniex kabini, imma ġol-pruwa kellna l-kurċetti, waħda isfel u l-oħra fuq (żewġ sodod fuq xulxin). Erbgħa kull naħa. Imbagħad hemm iċ- chain locker (fejn tinżamm il-katina tal-ankra) insomma (iktar ’il quddiem mill-kabina). Il-Kaptan kellu l-kabina wara, il-poppa nett. Dak kellu daqsxejn ta’ mejda jagħmel naqra ċ-chart (mappa) fuqha hemm. U t-tmun barra.” “Hemmhekk Limassol, Ċipru morna kemm-il darba wkoll aħna. Darba minn hemm domna ġejjin ħamsa u għoxrin ġurnata. Il-Kaptan kien Ġulju (mix-Xewkija). Għamilna jumejn taħt Candia, nimxu bil-mod ’l hawn u ’l hinn hekk għall-irdoss u r-riħ ġej mill-art. Imbagħad għaddejna maġenb Candia u ġejna ’l hawn.” Apparti dan kollu Ġużepp ħadem fuq vapuri oħra. Kien isiefer minn Cardiff fuq vapuri Ingliżi u joqgħod fil-boardinghouse t’Anġlu tal-Peffu, ħadem abbord ir-Rosina M, tanker tal-inbid Malti tal-aħwa Coleiro, li dakinhar kien isiefer bejn Franza u Spanja. Ħadem fuq il-Banċinu bejn Malta u Għawdex, kien Second Engineer abbord l-Imperial Eagle, kien wieħed mill-inġiniera fuq l-ewwel vjaġġ tal-Jylland taħt sidien Maltin, meta niżlu bih min-Norveġja. Huwa rtira bħala Chief Engineer mal-Gozo Channel Company Ltd. Nirringrazzja lil Charlie Grech iben Ġużepp, hu stess Chief Engineer mal-Gozo Channel Company Ltd, li għen sabiex din l-intervista setgħet issir. Kien ta’ unur għalija li kelli din id-diskussjoni ma’ wieħed mill-aħħar baħrin tal-iskejjen talqlugħ.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *