L-ateu wkoll jaħseb dwar Alla – L-Isqof Grech

Mal-ħsibijiet ta’ kif wieħed se jimla butu, kemm jekk ateu jew nisrani, moħħu jkun itektek ukoll b’domandi dwar Alla.

Dan il-kliem qalu l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech f’intervent fuq RTK 103FM, fl-okkażjoni ta’ awgurju tas-sena t-tajba lill-poplu Malti u Għawdxi.

L-isqof ikompli jgħid li skontu, kull bniedem li jixxennaq li jgħix ħajja bis-sens, indirettament ikun qed jixxennaq ukoll għal Alla. Iżda minkejja dan jgħid li jifhem li d-diskors ta’ Alla mhux daqshekk faċli u għaldaqstant bosta jitħabtu sabiex isibu t-triq wara Alla.

Minkejja dan jemmen li f’kull bniedem hemm il-ġamra ta’ Alla u biżżejjed biss żiffa ħelwa fuq din il-ġamra biex terġa’ tibda taqbad.

“L-awgurju tiegħi, fil-bidu ta’ din is-sena huwa li nitqanqlu biex insiru nafu ftit aktar lil Ġesù Kristu,” kompla jgħid. Iżda dan ma jixtiqux biss lil dawk kollha li forsi ma jemmnux jew ma jħossuhomx reliġjużi, iżda wkoll lil dawk li forsi huma reliġjużi iżda mhux bilfors jemmnu.

Huwa kompla l-messaġġ tiegħu billi radd il-ħajr lill-insara li jikkollaboraw fil-Knisja biex “iżommu l-fjamma tal-fidi tixgħel fil-qlub ta’ ħutna.”

Spjega kif fil-Knisja, kull adult nisrani għandu jħossu responsabbli li jkun missjunarju u jagħti xhieda tal-Vanġelu: “Is-soċjetà li kull ma jmur qed temarġina lil Alla ma tridx lil min joqgħod jagħti lezzjonijiet f’isem Alla. Imma aħna nkunu qed nagħtu servizz lil din is-soċjetà lajka tagħna jekk ngħinuha tintebaħ li Alla qiegħed propju fejn mhux magħruf.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *