Waslet il-festa tar-raħal… imma għall-Belt Valletta

Minn Christoph  Schwaiger

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ tal-Valletta 2018 se jsiru mill-14 sal-20 ta’ Jannar fil-Belt Valletta u huma mnebbħa mill-festa tradizzjonali tal-irħula Maltin.

Mill-1 ta’ Jannar, il-Belt Valletta u Leeuwarden (fin-Netherlands) se jġorru t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għal sena sħiħa.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kultura Tibor Navracsics se jattendi ċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali f’Malta fl-20 ta’ Jannar.

Il-Kummissarju  stqarr li il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura jgħinu biex ilaqqgħu l-komunitajiet flimkien permezz tal-kultura, b’benefiċċji fit-tul għall-bliet rispettivi, għaċ-ċittadini u għall-ekonomiji tagħhom.“

Fi kliem Navracsics, din is-sena se tkun waħda speċjali peress li taħbat mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Qal li ż-żewġt ibliet inkludew proġetti li jippromwovu l-wirt kulturali fil-programmi tagħhom u b’hekk jenfasizzaw ir-rwol tal-kultura fil-bini ta‘ identità Ewropea.

Fi stqarrija, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta qalet li l-programm tal-festa tal-Belt Valletta għandu l-għan li jħeġġeġ lill-artisti u lill-udjenzi jħarsu lejn il-kultura tradizzjonali b’għajnejn ġodda.

X’hemm ippjanat?

  • 3 temi ewlenin: Stejjer ta’ GżiraBarokk FuturVjaġġi
  • Aktar minn 140 proġett
  • Aktar minn 400 avveniment
  • Madwar 1,000 artist, kuratur, performer, faċilitatur tal-workshops, kittieb, disinjatur, kantant, u produttur tal-films

Il-programm jimmira li jlaqqa’ perspettivi mid-diversi xtut tal-Mediterran minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta.

Intant, Leeuwarden se jkollha l-għan li ssaħħaħ u tqarreb lejn xulxin il-komunitajiet mir-reġjun ta‘ Friesland u mill-Ewropa kollha b’aktar minn 800 proġett fl-oqsma tal-mużika, it-teatru, l-arti pajsaġġistika, l-opera u l-isport. F’Leeuwarden, iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fis-26 u s-27 ta’ Jannar.

Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura bdew jintgħażlu fl-1985 fuq l-inizjattiva ta’ Melina Mercouri, dak iż-żmien il-Ministru tal-Kultura tal-Greċja. Din l-azzjoni saret waħda mill-iktar inizjattivi kulturali ta’ prestiġju fl-Ewropa.

Fl-2017, Aarhus (fid-Danimarka) u Pafos (f’Ċipru) kienu l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura. Wara Leeuwarden u l-Belt Valletta fl-2018, se jkun imiss lil Plovdiv (fil-Bulgarija) u Matera (fl-Italja) fl-2019.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *