Filmat: “Tatna €1,000 għal kull sena li għandi” – Fr Martin Micallef

 

Is-sena li għaddiet, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, għalaq 50 sena u fl-aħħar jiem, benefattriċi partikolari tat lid-Dar donazzjoni ta’ €1,000 għal kull sena li għandu d-Direttur.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt Fr Martin stess li rringrazzja lil din il-mara tad-donazzjoni ġeneruża tagħha.

Iżda jekk din il-mara kienet ġeneruża, l-istess kien il-poplu Malti u Għawdxi kollu li lbieraħ, waqt il-Festa ta’ Ġenerożità, ġabar is-somma rekord ta’ €1,255,269.

Ma’ Newsbook.com.mt Fr Martin Micallef qal li ma kienx qed jistenna li tinġabar din is-somma, aktar u aktar wara s-somma rekord ta’ aktar minn €6 miljun li nġabret waqt l-Istrina.

Waqt li rringrazzja lil kulħadd wiegħed li din is-somma se tissarraf f’aktar ħidma biex id-Dar tal-Providenza toffri l-aqwa għajnuna u l-aħjar servizz lill-115-il resident u anke l-familji tagħhom.

Fost il-proġetti ewlenin għad-Dar tal-Providenza għal matul l-2018 hemm il-ftuħ tal-ħames dar fil-komunità, fil-Balluta. Id-Dar tal-Providenza taħdem biex ir-residenti kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti u jgħixu fil-komunità.

Apparti minn hekk, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li din is-sena se tkun qed issir music room biex tintuża mir-residenti u bil-flus li nġabru se jkun installat ukoll lift li jwassal għaliha.

Se jsir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni f’Dar Żerniq fis-Siġġiewi, waħda mir-residenzi fil-komunità.

Fuq kollox, id-Dar tal-Providenza se tkompli tinvesti f’aktar professjonisti u f’taħriġ għall-ħaddiema, biex joffru l-aħjar kura u għajnuna lir-residenti.

Waqt il-maratona ta’ 15-il siegħa, li ttellgħet ilbieraħ bl-appoġġ ta’ RTK, għadd ta’ persuni ddeċidew li fl-ewwel jum tas-sena jżuru u jgħinu lil din id-dar li bdiet b’donazzjoni ta’ LM100 li mara mis-Siġġiewi tat lil Monsinjur Mikiel Azzopardi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *