“Fl-2018 nixtieq nara soċjetà li tħenn, tħobb u taħfer”

Valletta – Malta

L-Arċisqof Charles Scicluna talab biex fl-2018 is-soċjetà Maltija tkun waħda li fiha kulħadd iħenn, iħobb u jaħfer lil ħaddieħor.

Din ix-xewqa Mons. Scicluna wassalha fil-quddiesa mmexxija minnu, li fetħet il-maratona ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza Festa ta’ Ġenerożità.

L-Arċisqof bena l-omelija u l-messaġġ tiegħu ma’ vers minn Salm 66, liema vera jinqara wkoll fl-okkażjoni tal-Festa tal-Imqaddsa Omm Alla fl-Ewwel tas-Sena, “Iħenn għalina Alla u jberikna”.

Proprju hawnhekk qal li d-Dar tal-Providenza tiġbor fiha dan il-kliem li ddeskrivih bħala profond.

Kompla jgħid li Alla jħares b’għaxqa kbira lejn dak kollu li jsir f’din id-dar, li tieħu ħsieb persuni b’abbiltajiet differenti u kundizzjonijiet varji sabiex ikollhom ħajja indipendenti.

L-Arċisqof iddeskriva lill-Monsinjur Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza fl-1965, bħala profeta.

Sostna li dawn il-persuni huma llum milqugħa fostna u mhux aktar moħbija permezz tal-ħidma ta’ dan il-profeta. Żied jgħid li bis-saħħa tiegħu dawn in-nies qed inħossuhom qrib tagħna.

“Din hija barka fuq il-pajjiż”, enfasizza Mons. Scicluna.

Fost l-oħrajn, id-dar teħtieġ mal-€4.5 miljun fis-sena biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi li toffri.

Irrimarka li b’kull rigal li jibgħat Alla f’din id-dinja, jiġifieri b’kull kreatura li titwieled, magħha titwieled ukoll responsabbiltà lil min ikun ġie qabilha.

Finalment, temm billi reġa’ rrefera għax-xewqa tiegħu tas-soċjetà li jixtieq jara fl-2018, meta talab biex ma nużawx kliem iebes lejn xulxin, jew naggredixxxu lil xulxin verbalment jew fiżikament.

“Il-Milied jgħallimna ma nċedux għall-attitudni “u iva mhux xorta”

Sadanittant, ilbieraħ filgħaxija, fil-Quddiesa tal-aħħar tas-sena fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof qal li ġaladarba jgħaddu l-festi u kulħadd jidħol fir-rutina, xorta hemm bżonn li nżommu l-misteru tal-Milied f’qalbna.

Saħaq li l-Milied jgħallimna li ma nistgħux inċedu għat-tentazzjoni taċ-ċiniżmu, jiġifieri dak li jgħallmek tgħid “U iva, mhux xorta” jew “mhux dejjem hekk sar?”

Mons. Arċisqof irrimarka li l-Milied iġib ukoll miegħu żmien ta’ riflessjoni u enfasizza dwar il-bżonn li qabel nieħdu deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw il-ġenerazzjonijiet futuri, “nieqfu biex naħsbu fuq il-kapaċità li aħna nirriflettu fuq il-konsegwenzi ta’ għemilna”.

One thought on ““Fl-2018 nixtieq nara soċjetà li tħenn, tħobb u taħfer”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *