Filmat: Hemm suġġetti kontroversjali li ma jistgħux jibqgħu taħt it-tapit – PM

Valletta – Malta

Minn Yendrick  Cioffi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li tul is-sena l-ġdida, il-Gvern se jkompli jimbotta ‘l quddiem aktar riformi fuq suġġetti “li kontroversjali kemm huma kontroversjali ma jistgħux jibqgħu jintefgħu taħt it-tapit”.

Fil-messaġġ tiegħu għall-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru ta ħarsa lejn l-aħħar sena u l-mumenti sbieħ u iebsa tagħha iżda anke lejn is-sena l-ġdida, fejn tkellem dwar dak li jixtieq jagħmel.

Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż huwa b’saħħtu mhux biss għax l-ekonomija tinsab fl-aqwa żmien tagħha, iżda għax dawn ir-riżultati qed jilħqu “lil uliedna u lill-familji kollha”.

Waqt li ta ħarsa lejn l-aħħar sena qal li s-soċjetà qed tesperjenza perjodu ta’ bidla kontinwa li fi kliemu “lanqas aħna stess u n-nies ta’ madwarna ma nkunu qed nifhmu biżżejjed”.

Saħaq li din l-istess bidla xi kultant twassal għal tensjonijiet ġodda iżda kompla jgħid li dawn huma sfidi ta’ pajjiż li qed “jiftaħ il-ġwienaħ biex jasal fejn qatt ma wasal qabel”.

“Il-ġid qed jinħass fost l-iktar dawk li għandhom bżonnu”

Għal aktar minn darba Joseph Muscat saħaq li “l-ġid qed jinħass fost l-iktar dawk li għandhom bżonnu”. Fakkar fl-aħħar baġit, li fi kliemu, il-frott tiegħu se jibda jinħass fil-ġimgħat li ġejjin.

Irrefera wkoll għall-istatistiċi pożittivi dwar il-faqar, il-qgħad, id-dipendenza fuq is-servizzi soċjali u anke dak li sejjaħ bħala “progress soċjali” li fi kliemu mhux se jieqaf hawn.

“Se nagħtu l-mezzi kollha possibbli biex dawk iż-żewġ min-nies li qed iħobbu lil xulxin ikollhom iċ-ċans li jrabbu lil uliedhom stess,” saħaq il-Prim Ministru.

Kompla jagħti ħarsa lejn x’se jkunu l-prijoritajiet tal-Gvern u qal li se jkun hemm biex joffri tama lil min qed isofri minn mard kiefer u ta’ qtigħ il-qalb fosthom permezz tal-preskrizzjoni tal-marijuana mediċinali. 

Dwar il-kera, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jindirizza din il-problema bis-serjetà u se jibqa’ joffri housingaffordabbli lil min vera għandu bżonn filwaqt li se jkompli jagħti għajnuna lill-pensjonanti, lil dawk li qegħdin fuq il-paga minima u dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex joħorġu jaħdmu.

Fost oqsma oħra, semma wkoll aktar investiment fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura.

“Il-qtil selvaġġ ta’ Daphne ma jiddeskrivix dak li hu pajjiżna”

Tkellem ukoll dwar mumenti li fi kliemu weġġgħuh. Qal li l-qtil “selvaġġ” tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma jiddeskrivix dak li hu pajjiżna.

Huwa qal li r-reazzjoni ta’ rabja u niket li ħass il-poplu li mhux lest ibaxxi rasu għall-kriminali, jikkonferma li jaf jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin, u li lest jieqaf “lil ftit ħafna” elementi ħżiena fis-soċjetà tagħna.

Kien hawn li faħħar lin-nisa u l-irġiel tal-forzi tal-ordni li fi kliemu jaħdmu bla heda minkejja li “jsofru żebliħ u nuqqas ta’ rispett”.

Dwar l-2017 qal li Malta kienet fuq quddiem meta kellha f’idha t-tmexxija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. “Hekk irridu nisimgħu dwar pajjiżna, tifħir mhux tmaqdir ta’ min jista’ jkun jgħir għalina.” Fakkar li fis-sena l-ġdida, permezz tal-Belt Valletta, Malta se terġa’ tkun fiċ-ċentru tal-Vetrina Ewropea.

Temm jisħaq li jinsab persważ li fl-2018 il-pajjiż se jerġa’ jirbaħ l-isfidi kollha li se jiġu quddiemu għax fi kliemu l-pajjiż hu mogħni “b’poplu bieżel u li ma jaqta’ qalbu qatt”.

 

One thought on “Filmat: Hemm suġġetti kontroversjali li ma jistgħux jibqgħu taħt it-tapit – PM

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *